Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-KESE ddiskuta l-viżjoni tal-“Boxxla Strateġika” tal-UE għas-sigurtà u d-difiża, u argumenta li s-sigurtà għandha tinftiehem b’mod wiesa’, ferm lil hinn mid-difiża militari. Is-soċjetà ċivili m’għandhiex tkun passiva fil-kwistjonijiet ta’ sigurtà: fiż-żminijiet ta’ kriżi, jista’ jkollha rwol stabilizzanti kif intwera mill-gwerra fl-Ukrajna.

F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-Boxxla Strateġika tal-UE il-KESE tkellem dwar il-ħtieġa għal definizzjoni usa’, peress li l-kunċett attwali ta’ sigurtà fl-UE huwa ristrett wisq. “Is-sigurtà tmur lil hinn minn sempliċi difiża militari. Fi żminijiet ta’ theddid kumpless u ibridu, il-kunċett tas-sigurtà għandu jiġi estiż biex jinkludi l-aspetti tal-enerġija, it-trasport, il-qasam diġitali, is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, is-sigurtà taċ-ċittadini u l-interferenza barranija,” qal Christian Moos, ir-relatur għall-Opinjoni tal-KESE.

L-Opinjoni targumenta li, b’mod parallel mal-kapaċità nazzjonali, l-ippjanar tad-difiża u l-akkwist konġunt, l-UE għandha tkompli tinvesti ir-riżorsi limitati tagħha f’politiki u mekkaniżmi ċivili sabiex tipprevjeni l-kunflitti. Dan huwa fejn is-soċjetà ċivili tista’ tagħmel differenza, permezz tan-networks soċjali u ekonomiċi tagħha, flimkien mal-potenzjal qawwi tagħha għad-diplomazija pubblika u kulturali.

It-tfiġġija mill-ġdid tal-gwerra fl-Ewropa bl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna swiet bħala twissija għar-relazzjoni tal-UE man-NATO.

“L-UE u n-NATO sa issa għadhom ma sfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-kooperazzjoni tagħhom. It-tisħiħ tal-pilastru Ewropew tas-sigurtà u tad-difiża jfisser it-tisħiħ tan-NATO. Meta qed nitkellmu dwar spinta lill-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE, mhijiex kwistjoni li nikkompetu man-NATO iżda li nikkumplementawha,” qal ir-relatur u membru tal-KESE Peter Clever. (mt)