European Economic
and Social Committee
Niżviluppaw il-ħiliet biex is-suq tax-xogħol ikun miftuħ għal kulħadd
minn Ioannis Vardakastanis, Viċi President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE
Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet għandha tkun opportunità biex jitneħħew id-differenzi – sena li fiha jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu ħafna fl-UE milli jirnexxielhom isibu impjieg ta’ kwalità u għas-sodisfazzjoni tagħhom. Fi żmien meta l-forza tax-xogħol tal-UE qed tonqos, huwa aktar importanti minn qatt qabel li ssir enfasi biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ dawk li ta’ spiss jinqatgħu mis-suq tax-xogħol miftuħ, billi ninvestu fil-ħiliet.
Fl-iżvilupp tal-ħiliet biex jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol ta’ bħalissa u fil-futur naturalment se jkollha titqies id-diġitalizzazzjoni dejjem tikber tal-ekonomiji tagħna. Dan ifisser li jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet diġitali, mhux l-inqas għal gruppi bħal dawk tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani li għadhom attivi fis-suq tax-xogħol. Fis-soċjetajiet moderni tagħna, il-litteriżmu diġitali mhuwiex biss għodda li tgħin lill-persuni jsibu posthom fis-suq tax-xogħol, imma huwa wkoll prerekwiżit għal għajxien indipendenti u ħaġa li ħadd m’għandu jkun imċaħħad minnha.
Madankollu, il-promozzjoni tal-ħiliet biex l-ekonomiji tagħna jibqgħu validi fil-futur m’għandhiex tiddependi żżejjed mill-kompetenzi diġitali. Is-sena Ewropea tal-Ħiliet għandha tkun ukoll pjattaforma għall-promozzjoni tal-importanza u l-valur tal-impjiegi fis-setturi tekniċi, manwali u vokazzjonali. Il-ħiliet meħtieġa f’dawn is-setturi ġew sottovalutati għal żmien twil wisq, l-istess bħall-funzjonijiet kruċjali li jaqdu fis-soċjetajiet tagħna. Bit-tranżizzjoni ekoloġika li tifforma pedament tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħha fis-snin li ġejjin, hemm ħtieġa partikolari għal għarfien espert tekniku u manwali biex tiġi implimentata trasformazzjoni reali. Biex jinkiseb dan, ħafna ħaddiema se jkollhom bżonn jitħarrġu mill-ġdid, u hawnhekk għandha tinħataf l-opportunità biex jintlaħqu wkoll persuni tipikament esklużi mis-suq tax-xogħol u jiġu żviluppati l-ħiliet tagħhom.