Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ d-deżinjazzjoni tal-2022 bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, iżda jħoss li din għandha tmur lil hinn minn sempliċi attivitajiet promozzjonali: hija għandha tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ bi pjani u impenji ċari bil-għan li jinkisbu riżultati tanġibbli għaż-żgħażagħ Ewropej kollha.

Il-KESE organizza dibattitu dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 fis-sessjoni plenarja tiegħu ta' Jannar, bil-parteċipazzjoni ta’ Anne Kjær Bathel, f'isem il-programm Mexxejja Żgħażagħ Ewropej, Joe Elborn, Segretarju Ġenerali tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, u Miriam Teuma, President tal-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropew għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa.

"Huwa fundamentali li ż-żgħażagħ ikollhom vuċi fit-tfassil tal-politiki tal-lum u ta' għada", qalet Christa Schweng, President tal-KESE. "Huma l-futur, għalhekk l-involviment tagħhom u l-investiment fihom huma kruċjali biex nibnu soċjetajiet stabbli, paċifiċi u sostenibbli, u biex niżviluppaw politiki li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ".

Il-KESE jinsab f'pożizzjoni unika biex jaħdem u jikkollabora ma' networks taż-żgħażagħ, u jinsab lest u ħerqan biex ikollu rwol ewlieni fis-Sena taż-Żgħażagħ, billi jibni fuq l-inizjattivi ta' suċċess tiegħu, bħal L-Ewropa Tiegħek, Leħnek, ir-Roundtables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, u s-Summit taż-Żgħażagħ dwar il-Klima tal-UE li jorganizza fil-bidu tas-sajf.

Il-KESE jistenna bil-ħerqa biex jagħti kontribut pożittiv għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ trid tipproduċi riżultati tanġibbli għaż-żgħażagħ Ewropej f’oqsma ta’ politika li jħallu impatt fuq ħajjithom. (ks)