European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal ombudsmen finanzjarji għall-SMEs u approċċ ta’ ‘negozju żgħir l-ewwel’ għall-IA fl-Ewropa
Il-KESE appella għall-ħolqien ta’ ombudsmen speċjali sabiex l-SMEs fl-Ewropa jingħataw għajnuna biex jindirizzaw il-kwistjonijiet finanzjarji u ta’ finanzjament tagħhom. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li, biex l-SMEs jużaw l-IA, jeħtieġ li jkun hemm ir-rieda politika biex jingħataw appoġġ fil-proċess.
Fil-plenarja tiegħu ta’ Jannar, il-KESE adotta żewġ rapporti li jittrattaw xi wħud mill-aktar kwistjonijiet urġenti li għandhom impatt fuq l-SMEs.
Fl-Opinjoni dwar Strateġija għall-SMEs tal-ġenerazzjoni li jmiss – It-tisħiħ ta’ implimentazzjoni effettiva u rapida, il-KESE jenfasizza li l-aċċess għall-kreditu, il-likwidità, il-fluss tal-flus u l-pagamenti huma kollha ostakli kritiċi għall-SMEs, speċjalment bil-COVID - u b’hekk il-proposta li jinħoloq network ta’ ombudsmen finanzjarji u ta’ finanzjament biex:
• jippromovi l-aċċess tal-SMEs għall-fondi;
• iwettaq analiżi dwar jekk u kif il-banek intermedjarji jużaw strumenti finanzjarji sabiex jilħqu lill-SMEs l-aktar fil-bżonn ta’ riżorsi finanzjarji;
• ikun medjatur għal tilwim bejn l-SMEs u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ likwidità.
Il-KESE jissuġġerixxi wkoll:
• il-ħolqien ta’ task force dwar il-likwidità tal-SMEs biex tissorvelja l-miżuri l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb il-likwidità fuq perjodu qasir tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs);
• l-introduzzjoni ta’ formola ta’ applikazzjoni unika biex jittaffa l-piż għall-kumpaniji b’riżorsi umani u timijiet legali limitati li jixtiequ japplikaw għall-fondi tal-UE.
• l-għoti ta’ aktar opportunitajiet għall-SMEs biex jitfgħu offerti u jirbħu kuntratti pubbliċi fl-Istati Membri.
Fl-Opinjoni dwar L-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju Ewropej (MSMEs), il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa rieda politika b’saħħitha biex jingħelbu l-ostakli li jfixklu lill-MSMEs li jħaddnu l-IA.
Hemm bżonn rieda politika biex tinbena l-fiduċja, bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet professjonali u oħrajn biex jindirizzaw it-tħassib tal-MSMEs fil-prattika.
Il-KESE jissuġġerixxi sett ta’ miżuri li jirrikjedu wkoll rieda politika kontinwa - l-ewwel u qabel kollox:
• edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jintużaw għall-promozzjoni ta’ ħakma ġenerali tal-IA
• jiġi żgurat li l-MSMEs ikollhom aċċess faċli kemm għall-finanzjament pubbliku kif ukoll għal dak privat għall-IA;
• jiġu garantiti infrastruttura u konnessjonijiet kullimkien;
• jiġi promoss l-għarfien dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà;
• jixxerdu bl-aktar mod wiesa’ possibbli l-aħjar prattiki u stejjer ta’ suċċess. (dm)