Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appella għal sensiela ta’ miżuri biex jiġi żgurat li kulħadd jiġi kkonsultat u jibbenefika mill-proposti tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-Kummissjoni Ewropea, li jpoġġu lill-UE fit-triq it-tajba biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’55 % sal-2030.

“It-tilħiq tal-miri riveduti tal-2030, kif propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, se jkollu impatt mhux uniformi fuq ir-reġjuni u l-komunitajiet madwar l-Ewropa. Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li l-mekkaniżmi ta’ solidarjetà jitfasslu sew u jiġu ffinanzjati b’mod adegwat, sabiex niksbu tranżizzjoni soċjalment ġusta, kompettitiva u ekoloġika”, qal Cillian Lohan, Viċi President tal-KESE.

L-Opinjonijiet u l-konklużjonijiet komuni tal-KESE

Fl-Opinjonijiet tiegħu (total ta’ 22 Opinjoni), il-KESE< style="color:blue">< class="underline">jappoġġja bil-qawwa l-pakkkett bħala strument meħtieġ biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni tal-enerġija u tinkiseb in-newtralità klimatika. Madankollu, huwa jenfasizza li l-politiki jridu jiżguraw il-bilanċ it-tajjeb bejn l-ekwità soċjali, it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kompettività.

Ir-rakkomandazzjonijiet komuni tal-KESE:

  • Għalkemm ċerti setturi huma milquta bil-kbir mill-miżuri proposti tal-pakkett, it-tranżizzjoni lejn industrija ekoloġika se tiġġenera possibiltajiet għal setturi oħra. L-għan irid ikun li jiġu żgurati politiki bilanċjati li jappoġġjaw lil dawk li ntlaqtu ħażin mit-tranżizzjoni klimatika.
  • Huma meħtieġa programmi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid kemm għall-imprendituri kif ukoll għall-ħaddiema sabiex jiġi żgurat l-aċċess għat-teknoloġiji l-aktar ġodda disponibbli u għal ħiliet diġitali u sostenibbli.
  • L-involviment tas-soċjetà ċivili huwa fundamentali għat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u għall-istabbiliment ta’ politika ekonomika bilanċjata fl-UE, fejn l-interessi kollha jiġu rikonċiljati.
  • L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti x’jaqdu u jridu jkunu involuti kemm fil-fażijiet tal-ippjanar kif ukoll f’dawk tal-implimentazzjoni tal-pakkett Lesti għall-Mira ta’ 55 %.

Huwa kruċjali li t-tranżizzjoni ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura, li jfisser li ċ-ċittadini jeħtiġilhom ikunu fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika. (mr)