Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett leġiżlattiv il-ġdid tagħha tal-2021 kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) lill-koleġiżlaturi u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Fl-Opinjoni tiegħu, li ġiet adottata matul is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposti, iżda jenfasizza wkoll l-urġenza li jiġu implimentati dawn il-miżuri u jissuġġerixxi żidiet ewlenin. Il-ħolqien tal-Awtorità l-ġdida għall-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) intlaqa’ sew. Il-Kumitat itenni wkoll il-proposta tiegħu għal Patt Ewropew għall-ġlieda kontra l-imġiba li tagħmel ħsara lill-prinċipji etiċi u politiċi tad-demokraziji tagħna u timmina l-beni pubbliċi, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ korp konsultattiv ġdid tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-kriptoassi jeħtieġ ukoll li jiġi implimentat b’urġenza. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinsisti wkoll għal azzjoni urġenti fir-rigward tat-traspożizzjoni tardiva u mhux kompluta tad-Direttivi preċedenti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus f’xi Stati Membri, u għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi għall-monitoraġġ tal-kumpaniji fittizji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll kif testendi l-miżuri għall-kanali tal-ħasil tal-flus barra mis-sistema finanzjarja. Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen bis-sħiħ li jeħtieġ li titfassal lista ġdida, realistika u komprensiva ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir. (tk)