Dikjarazzjoni konġunta minn Christa Schweng, President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u Jack O’Connor, President tal-Grupp ta’ Segwitu tal-KESE dwar il-Brexit
Nifirħu lin-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit talli kkonkludew b’suċċess negozjati mill-aktar kumplessi u diffiċli biex jintlaħaq Ftehim Kummerċjali li huwa ta’ importanza vitali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-Ewropa kollha kemm hi.
Il-KESE jinsab lest li jibni r-rabtiet kollha possibbli mas-Soċjetà Ċivili fir-Renju Unit.
L-ewwel nett, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li fl-aħħar, wara negozjati twal u kumplessi, l-UE u l-gvern tar-Renju Unit irnexxielhom jilħqu qbil dwar il-ftehim ta’ sħubija.
Wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020, wara 47 sena ta’ sħubija mal-UE, kien assolutament vitali li nkunu nafu l-mod li bih se jkunu rregolati r-relazzjonijiet futuri bejn iż-żewġ imsieħba.
Il-ftehim ta’ sħubija se jkun il-pedament li fuqu se jinbnew ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit.
F’isem il-KESE, nifirħu bil-qalb lis-Sur Michel Barnier, il-Kap negozjatur tal-UE u t-tim tiegħu li wrew professjonaliżmu, reżiljenza u esperjenza indiskutibbli, filwaqt li ħadmu bla heda biex iżommu front Ewropew magħqud.
Naturalment, irridu nifirħu wkoll lid-delegazzjoni tar-Renju Unit li ħadmet b’suċċess biex tissiġilla l-ftehim. Aħna għalkollox konxji li dan ma kien faċli xejn.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Kanal se jkunu jistgħu jorganizzaw lilhom infushom. Il-ftehim ta’ sħubija jġib iċ-ċertezza, l-element kruċjali biex il-kumpaniji jippjanaw l-investimenti tagħhom, biex il-ħaddiema jiddeċiedu fejn se jaħdmu u biex iċ-ċittadini jiddeċiedu fejn iridu jgħixu.
Bħala l-KESE, segwejna n-negozjati tal-Brexit mill-qrib, inkluż permezz tal-grupp ta’ ħidma ad hoc li stabbilejna.
Ir-rwol tagħna se jiffoka fuq li nfittxu li nottimizzaw il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, u nibnu r-rabtiet kollha possibbli mas-Soċjetà Ċivili fir-Renju Unit. Aħna nemmnu, aktar minn qatt qabel, li din għandha tkun il-missjoni tal-KESE għas-snin li ġejjin.
Christa Schweng
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)
Jack O'Connor
President tal-Grupp ta’ Segwitu tal-Brexit tal-KESE