Minn Dimitris Dimitriadis President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
L-Aġenda Trans-Atlantika Ġdida attwalment hija fil-qalba tal-aġenda politika għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha. Il-Kumitat tagħna, b’mod partikolari s-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni, jaderixxi b’mox sħiħ magħha, kif muri mil-laqgħa reċenti tal-Kumitat ta’ Segwitu tagħna għar-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi, li kien hemm mistednin prominenti ħafna li enfasizzaw l-importanza ta’ djalogu b’saħħtu u solidu tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mid-dikjarazzjoni tal-President tal-KESE u d-dikjarazzjoni tiegħi dwar l-elezzjoni tal-Istati Uniti tal-2020 fejn esprimejt tama għal sħubija b’saħħitha biex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali.
L-Unjoni Ewropea hija u dejjem se tkun imsieħba u alleat sod tal-Istati Uniti, u aħna se nkunu grati li nerġgħu nistabbilixxu djalogu produttiv u siewi dwar il-kwistjonijiet kollha li kienu mblukkati matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Għalhekk, jien nappoġġja l-oqsma identifikati għal kooperazzjoni akbar potenzjali (ħidma flimkien għal dinja aktar b’saħħitha – COVID-19 u wara, ħidma flimkien biex nipproteġu lill-pjanetà tagħna u l-prosperità; ħidma flimkien fuq it-teknoloġija, il-kummerċ u l-istandards; u l-aħħar u mhux l-inqas, ħidma flimkien lejn dinja aktar sikura, aktar prosperuża u aktar demokratika) u nemmen li djalogu b’saħħtu mas-soċjetà ċivili u r-relazzjonijiet interpersonali għandhom rwol kruċjali biex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-għanijiet imsemmija hawn fuq bla dubju jinkludu l-prinċipji tal-multilateraliżmu u l-istrutturi internazzjonali li għinna nibnu flimkien.
Il-Kumitat tagħna, bħala rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea, u b’mod partikolari l-President tal-Grupp ta’ Segwitu tagħna għar-Relazzjonijiet Trans-Atlantiċi, is-Sur Christian Moos, u jien, fil-kapaċità tiegħi ta’ President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni, nibqgħu impenjati u determinati biex insaħħu l-pontijiet mal-Atlantiku.