Fl-1 ta’ Jannar 2021, il-Portugall ħa f’idejh il-presidenza tal-Kunsill tal-UE, bil-motto “Wasal iż-żmien biex nimplimentaw: irkupru ġust, ekoloġiku u diġitali”.

Il-presidenza Portugiża se tiffaċċja l-kompitu diffiċli li timplimenta fil-prattika l-ftehimiet li saru fl-aħħar fażi tal-Presidenza Ġermaniża dwar il-baġit pluriennali tal-UE (QFP) u l-Fond ta’ Rkupru, timplimenta l-ftehim ta’ wara l-Brexit mar-Renju Unit u tissorvelja t-tilqim fl-Ewropa kontra l-COVID-19.

Il-presidenza għandha ħames objettivi ċari għas-sitt xhur li ġejjin:

  • li il-QFP jibda jiffunzjona, u jiġu adottati r-regolamenti meħtieġa u jiġu implimentati l-programmi assoċjati miegħu.
  • li l-Fond għar-Reżiljenza u l-Irkupru jitwassal malajr kemm jista’ jkun fil-pajjiżi, sabiex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
  • li l-pjan ta’ tilqim fl-Ewropa jiġi implimentat b’suċċess, u tingħata għajnuna biex dan isir realtà fil-bqija tad-dinja wkoll.
  • li jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jingħata spinta kruċjali matul is-Summit Soċjali skedat għas-7-8 ta’ Mejju f’Porto.
  • li jissaħħu r-relazzjonijiet tal-UE mal-imsieħba strateġiċi ewlenin bħall-Indja u l-Afrika u jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti. 

Il-KESE se jikkontribwixxi għall-ħidma tal-presidenza Portugiża biex jiżgura li l-leħen tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa jiġi mismugħ. B’mod partikolari, il-KESE se jwassal l-perspettivi tas-soċjetà ċivili dwar it-temi li ġejjin, permezz ta’ Opinjonijiet li qed iħejji fuq talba mill-presidenza:

  • L-isfidi tat-telexogħol: l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u d-dritt għall-iskonnessjoni
  • It-taħriġ vokazzjonali: l-effettività tas-sistemi biex jantiċipaw u jqabblu l-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati differenti
  • Ir-rwol tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
  • It-telexogħol u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet sabiex it-telexogħol ma jaggravax id-distribuzzjoni inugwali bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-kura domestika u tax-xogħol domestiku mhux imħallsin u sabiex jixpruna l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri
  • Iż-żona ferrovjarja unika Ewropea
  • Kif jistgħu jiġu promossi l-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa biex tiġi stabbilita soċjetà aktar ġusta, koeżiva, sostenibbli, diġitali u reżiljenti permezz tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja.

Il-Portugall se jkollu f’idejh il-presidenza ta' sitt xhur tal-Kunsill tal-UE mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju. Se jkun segwit mis-Slovenja, li fit-tieni nofs tal-2021 tagħlaq it-triju mibdi mill-Ġermanja.

Din se tkun ir-raba’ presidenza tal-Portugal sa mill-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE fl-1986. (mr)