Nistidnuk biex terġa’ tgħix ftit mill-mumenti ewlenin ta' konferenza stampa virtwali fil-Jum Internazzjonali għal Persuni b'Diżabilità 2020, organizzata mill-Unità tal-Istampa fit-2 ta’ Diċembru 2020.
X'lezzjonijiet jistgħu jittieħdu għal persuni b'diżabilità mill-kriżi pandemika, li ilha għaddejja kważi sena?
Din hija biss waħda minn bosta mistoqsijiet. Inħeġġukom taqraw il-fehmiet tal-mistednin tagħhna.
Il-preżentazzjoni fi ftit kliem
Sinéad Burke – Avukata Irlandiża tad-diżabilità u direttur ta’ Tilting the Lens: “Jiena mara b'diżabilità, jiena edukatriċi, kittieba u avukata għad-diżabilità”
Ioannis Vardakastanis – Membru tal-KESE u attivist tad-diżabilità, president tal-Forum Ewropew tad-Diżabilità: “Iddedikajt ħajti għall-kampanja, il-promozzjoni, il-ġlieda għad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, mir-raħal tiegħi sad-dinja kollha.”
Krzysztof Pater – membru tal-KESE u awtur tar-rapport dwar id-dritt tal-persuni b'diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-PE: “Għal 20 sena ilni nipprova ngħin, nipprova nsib soluzzjonijiet, biex noħloq ambjent legali aħjar għal persuni b'diżabilità”.
Pietro Vittorio Barbieri – President tal-Grupp Tematiku tal-KESE dwar id-Drittijiet tad-Diżabilità: “Din mhix ġurnata ordinarja; issa għaddejjin minn perjodu li qed jeħodna mill-inklużjoni għall-esklużjoni. Il-kwistjoni ewlenija hija l-iżolament tan-nies waqt il-pandemija”.
Tajjeb tkun taf...
Kemm int ottimist dwar l-isforzi tiegħek biex tħeġġeġ lit-tfal jaċċettaw id-differenzi u jiċċelebraw lilhom infushom? Kif qed jirreaġixxu?
Sinéad Burke: “Għandi tama tanġibbli li l-futur ikun aħjar. Spiss ngħidu li t-tfal ma jarawhiex id-differenza, ma naħsibx li dan huwa minnu. It-tfal jarawha d-differenza; huma konxji tal-identità. It-tfal huma differenti mill-adulti mill-mod kif jirreaġixxu b’kurżità. Nixtieq nitlob lill-adulti biex jieħdu nota ta’ kif it-tfal jirrispondu. L-aċċettazzjoni u l-kurżità huma tant importanti. Naħseb li l-adulti għandhom ikunu ispirati u jieħdu direzzjoni mit-tfal dwar kif jirrispondu għad-diżabilità”.
X'nistgħu nagħmlu sabiex persuni b’diżabilità fl-Irlanda ta’ Fuq ma jiġux separati mir-Repubblika tal-Irlanda f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem u kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment għal ħaddiema remoti b’diżabilità?
Ioannis Vardakastanis: “Il-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet għal persuni b’diżabilità se tkompli u l-kwistjonijiet li jikkonċernaw persuni b’diżabilità se jkunu fuq quddiem fl-aġenda. Il-messaġġ huwa ċar. L-għaqda u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità għandhom jiġu rispettati mill-gvernijiet kollha. Ma jistgħux jiġu iżolati minħabba Brexit jew deċiżjonijiet politiċi oħra”.
Pietro Vittorio Barbieri: “Il-ftehim ta’ Brexit sal-aħħar tal-2020 se jiddefinixxi l-aġenda politika”.
Sinéad Burke: “Hekk kif nimxu ’l quddiem lejn Brexit, m’għandniex inkomplu niffukaw fuq il-profitt u l-kummerċ iżda għandna niffukaw fuq in-nies. Il-ħolqien ta’ politiki ffukati fuq in-nies, b’mod partikolari fil-pandemija, huwa importanti. Nispera li nibqgħu nkunu alleati u nappoġġjaw lil dawk li huma emarġinati, li ħafna drabi huma persuni b'diżabilità”.
Krzysztof Pater: “Il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità huwa pjattaforma meraviljuża. Fi żmien ir-rapport u qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ħadd ma stenna li r-Renju Unit jitlaq mill-UE, iżda r-Renju Unit għandu numru ta’ soluzzjonijiet leġiżlattivi li għandhom jitqiesu minn bosta organizzazzjonijiet tal-UE”.
X’inhu, fl-opinjoni tiegħek, l-ikbar impatt tal-pandemija fuq persuni b’diżabilità u liema aspetti tal-ħajja ta’ kuljum ġew affettwati l-aktar?
Krzysztof Pater: Nixtieq nenfasizza n-nuqqas ta’ kuntatt ma’ oħrajn, li mhux biss jaffettwa s-saħħa mentali tan-nies iżda wkoll il-ħajja tagħhom ta’ kuljum (f’termini ta’ assistenza, xiri, riabilitazzjoni). Pjani ta’ azzjoni imposti mill-gvernijiet matul il-pandemija nsew dwar in-nies li jgħixu f’istituzzjonijiet ta’ kura fit-tul”.
Pietro Vittorio Barbieri: “L-aspett l-iktar affettwat huwa dak ta’ nies li jgħixu fi djar tal-kura u s-sentiment ta’ iżolament. L-anzjani ġew abbandunati”.
Sinéad Burke: “Waqt il-pandemija kienu qed ikejlu l-kapaċità tiegħek li tissopravivi t-trattament. Jekk kont anzjan jew diżabbli kien inqas probabbli li tirċievi l-kura. Hemm xi ħajjiet aktar validi minn oħrajn? Naħseb issa li qed infasslu postijiet għat-tbegħid soċjali għandna l-opportunità li noħolqu pedamenti ġodda u naħsbu dwar kif nixtiequ li tidher id-dinja, bil-persuni b’diżabilità fil-qalba ta’ dan l-iżvilupp”.
Ioannis Vardakastanis: “Bil-parafrażi tas-slogan mill-Istati Uniti, nistgħu ngħidu li l-ħajjiet tal-persuni b’diżabiltà jgħoddu wkoll. Matul il-pandemija, rajna l-esklużjoni, il-faqar fis-saħħa, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi fis-sistema tas-saħħa. “Xejn dwarna mingħajrna” għandha tkun forza mexxejja ta’ vera biex jinbidlu l-politiki u s-sistemi biex il-ħajjiet ta’ persuni b'diżabilità jkunu jgħoddu."(at)