L-aħħar inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu rregolati s-servizzi u s-swieq diġitali se jiżguraw li l-fornituri jieħdu r-responsabbiltà għas-servizzi li joffru u li l-ġganti diġitali ma jimponux ir-regoli tagħhom stess fuq is-swieq tal-Ewropa, qalet il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni, Margrethe Vestager, waqt il-plenarja ta’ Diċembru tal-KESE.
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati fil-15 ta’ Diċembru, se jgħinu lid-demokrazija Ewropea tilħaq mal-aħħar għoxrin sena ta’ żvilupp diġitali, u se jiddefinixxu kif għandhom jiġu pprovduti s-servizzi diġitali u kif għandhom jaħdmu s-swieq diġitali, qalet is-Sinjura Vestager lill-plenarja tal-KESE matul dibattitu dwar Ewropa lesta għall-era diġitali.
Il-President tal-KESE, Christa Schweng, enfasizzat li t-tranżizzjoni diġitali saret importanti iktar minn qatt qabel bħala waħda miż-żewġ komponenti fundamentali tal-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi tal-COVID-19, flimkien mat-tranżizzjoni ekoloġika.
Il-President tal-KESE kkwotat studju reċenti li skontu, sal-2030, il-kontribut addizzjonali kumulattiv tal-PDG tat-teknoloġiji diġitali ġodda jista’ jammonta għal EUR 2,2 triljun fl-UE – l-ekwivalenti tal-PDG ikkombinat ta’ Spanja u tan-Netherlands għall-2019.
Is-Sinjura Schweng qalet li neħtieġu approċċ Ewropew għad-diġitalizzazzjoni, iċċentrat fuq il-bniedem. Mingħajr il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji mhux se nkunu nistgħu naħtfu l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni. Għal dak il-għan, huwa importanti li jinbena Spazju Ewropew tad-Data fejn id-data tagħna tkun protetta u jiġu żgurati l-privatezza u l-awtodeterminazzjoni. Neħtieġu wkoll li nibnu sovranità teknoloġika tal-UE filwaqt li nżommu l-kummerċ diġitali globali.
Is-Sinjura Vestager ippreżentat l-elementi prinċipali tal-istrateġija diġitali tal-Kummissjoni, strateġija li tagħti attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tal-investiment privat u li tistrieħ fuq l-inizjattivi ewlenin (relatati mal-ħiliet diġitali, is-servizzi pubbliċi diġitali u ċ-cibersigurtà) u fuq il-bini u l-użu tal-kapaċitajiet diġitali.
Is-Sinjura Vestager qalet li issa, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jiżgura li l-fornituri tas-servizzi diġitali jassumu r-responsabbiltà u jagħtu rendikont għas-servizzi li jipprovdu u li huwa possibbli li l-fiduċja terġa’ tinbena. Il-kontenut u l-prodotti illegali online li ma jissodisfawx ir-regoli li għandna għall-prodotti fiżiċi huma l-problema. It-tnejn li huma jridu jiġu rranġati, u għandhom jiġu rranġati fuq skala Ewropea.
Hija kompliet tgħid li l-Att dwar is-Swieq Diġitali se jibgħat messaġġ lill-kumpaniji ġganti: li jistgħu jagħmlu negozju fl-Ewropa kemm iridu, jista’ jkollhom suċċess kemm iridu, iżda hemm lista ta’ dak li għandhom u m'għandhomx jagħmlu meta jilħqu l-pożizzjoni ta’ kontroll, sabiex ikun hemm il-kompetizzjoni ġusta u jservu lill-konsumaturi bl-aħjar mod possibli. Il-punt fundamentali hawnhekk huwa li s-suq għandu jservi lilna bħala konsumaturi u li rridu teknoloġija li nistgħu verament nafdaw. (dm)