European Economic
and Social Committee
Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tal-UE: opportunità mitlufa għal bidu ġdid tant meħtieġ
Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tal-UE ġie kkritikat bil-qawwa matul konferenza ta’ livell għoli organizzata mill-KESE. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-Parlament Ewropew sabu li l-patt il-ġdid ma jwassalx għall-bidliet meħtieġa biex tinħoloq sistema Ewropea komuni xierqa għall-migrazzjoni u l-ażil.
Fis-26 ta’ Novembru partijiet interessati inklużi l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill, gruppi ta’ riflessjoni, imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħadu sehem f'seduta virtwali dwar il-Patt iĠdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Il-konferenza, organizzata mis-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE, esplorat jekk il-patt ġdid iġibx il-bidla sistemika meħtieġa biex jingħeleb l-imblokk attwali u tiġi żviluppata politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni sostenibbli, razzjonali u bbażata fuq id-drittijiet.
Il-kritika minn membri differenti tal-bord iffokat fuq tliet aspetti ewlenin: it-triq leġiżlattiva magħżula, sostnuta mill-intergovernamentaliżmu u li tippermetti n-negozjati biex jibdew qabel is-sottomissjoni ta’ proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni; il-fehim dualistiku tal-migranti jew bħala refuġjati reali jew individwi illegali li jistgħu jitkeċċew; u l-mekkaniżmu ta’ sponsorizzazzjoni tar-ritorn li għadu kif ġie introdott, li jippermetti lill-Istati Membri jikkontribwixxu għas-solidarjetà billi jwettqu proċeduri ta’ tkeċċija ta’ pajjiżi oħra.
Il-membri tal-grupp ta’ studju tal-KESE dwar din l-inizjattiva esprimew dispjaċir dwar il-fatt li l-patt iddedika l-biċċa l-kbira tal-proposti tiegħu għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li naqas milli jagħti l-attenzjoni dovuta lil kanali regolari ta’ immigrazzjoni, lil perkorsi sikuri għall-ażil jew lill-inklużjoni u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE. “Aħna ftit diżappuntati mill-kontenut ta’ dan il-patt,” qal José Antonio Moreno Díaz, ir-relatur tal-KESE għall-Opinjoni dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. “Nittamaw għal patt aktar ambizzjuż u kostruttiv li jkun aktar realistiku fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.” (na)