Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) bejn l-UE u r-Renju Unit daħal fis-seħħ b'mod proviżorju fl-1 ta' Jannar 2021. Sa dakinhar, il-Grupp ta' Segwitu tal-Brexit kien il-korp tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew inkarigat mill-monitoraġġ tal-proċess ta' negozjati mar-Renju Unit u mit-tħejjija ta' djalogu mas-soċjetà ċivili wara l-Brexit mal-kontropartijiet tar-Renju Unit. Impenjat għalkollox fir-rigward tar-rwol ta' monitoraġġ tiegħu u huwa u jaġixxi ta' pont mas-soċjetà ċivili tar-Renju Unit, il-KESE ddeċieda jistabbilixxi l-Kumitat ta' Segwitu UE-Renju Unit biex ikompli l-ħidma tal-Grupp ta' Segwitu tal-Brexit, b'mod partikolari billi jrawwem ir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili tar-Renju Unit.
Għalkemm bil-konklużjoni tal-FKK ġie evitat xenarju ta' ebda ftehim, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit għadhom ta' sfida. Jiġri x'jiġri, is-soċjetà ċivili tal-UE taqdi u se tkompli taqdi rwol importanti fil-bini (mill-ġdid) ta' pontijiet bejn l-UE u r-Renju Unit.
In-natura speċjali tar-relazzjoni u l-firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat ta' dan il-Kumitat jitolbu eżerċizzju ta' prijoritizzazzjoni, iżda l-objettivi ġenerali huma pjuttost ċari:
- il-bini u t-trawwim ta' relazzjonijiet b'saħħithom ma' atturi ewlenin fir-relazzjonijiet UE-Renju Unit, u l-iktar importanti li jerġgħu jinbnew il-pontijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta' sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni b'saħħitha;
- kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (Kummissjoni Ewropea, Parlament Ewropew, Kunsill) kif ukoll mal-atturi istituzzjonali tar-Renju Unit (il-Missjoni tar-Renju Unit fi Brussell, il-Kmamar tal-Parlament tar-Renju Unit, l-amministrazzjonijiet deċentralizzati);
- il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-aktar ftehimiet rilevanti bejn l-UE u r-Renju Unit, b'mod partikolari l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit u l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq;
- il-monitoraġġ ta' ftehimiet oħra u ta' oqsma potenzjali oħra ta' kooperazzjoni;
- il-monitoraġġ ta' kwalunkwe element tar-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit li huwa ta' importanza partikolari għas-soċjetà ċivili;
- iċ-ċentralizzazzjoni tal-feedback tal-KESE dwar kwistjonijiet relatati mal-UE u r-Renju Unit.