Il-Grupp Konsultattiv Domestiku UE-Kanada

Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) UE-Kanada ġie applikat proviżorjament mill-21 ta’ Settembru 2017. Il-Ftehim jinkludi kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Kummerċ u x-Xogħol u l-Kummerċ u l-Ambjent (Kapitoli 22 sa 24).

Dawn il-kapitoli jinkludu l-impenji tal-UE u l-Kanada biex jippromovu d-drittijiet tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, kif definit mill-istrumenti internazzjonali bħall-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali anke permezz ta’ azzjonijiet f’oqsma bħall-forestrija sostenibbli, is-sajd, jew ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

Huma jipprevedu wkoll l-istabbiliment minn kull Parti tal-gruppi konsultattivi domestiċi magħmula minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE taħt is-CETA jinkludi membri mill-KESE u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej oħrajn, li jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ partijiet interessati ambjentali, soċjali u ekonomiċi, inklużi l-organizzazzjoniet tal-impjegaturi tal-ħaddiema u partijiet interessati rilevanti oħrajn.

L-għan primarju tal-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE huwa li jissottometti opinjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-kapitolu tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada.