Il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità jiġi estiż biex ikopri soġġorni itwal għal xogħol jew studju, sabiex jinkiseb moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE.

Il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità jiġi estiż biex ikopri soġġorni itwal għal xogħol jew studju, sabiex jinkiseb moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE.

Il-KESE faħħar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità u għal Kard Ewropea għall-Parkeġġ u jqishom bħala l-ewwel pass biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fl-UE.

“Il-Proposta għaż-żewġ kards se taffettwa lil aktar minn 80 miljun ċittadin Ewropew b’diżabilità,” qal Ioannis Vardakastanis, relatur ġenerali tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ, li ġiet ippreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-14 ta’ Diċembru. “Dan huwa pass importanti ħafna lejn it-tneħħija ta’ ostakli serji u l-iżgurar li l-persuni b’diżabilità, kemm Ewropej kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, ikunu jistgħu jgawdu l-prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa l-Unjoni: il-libertà ta’ moviment. Dan se jkun il-bażi għall-politiki futuri.”

Madankollu, il-KESE wissa li l-Proposta tonqos milli tneħħi wħud mill-aktar ostakli sinifikanti għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej b’diżabilità, jiġifieri n-nuqqas ta’ portabbiltà tal-benefiċċji relatati mad-diżabilità meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor fl-UE għal xogħol jew studju. Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta jiġi estiż sabiex persuna b’diżabilità li tkun irrilokat tkun tista’ tuża l-kards, fuq bażi temporanja, biex tkompli tirċievi benefiċċji marbuta mal-politiki soċjali jew is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Bħalissa, dan mhuwiex il-każ. Meta persuna tiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor, titlef id-dritt tagħha għal kwalunkwe benefiċċju relatat mad-diżabilità ladarba taqsam il-fruntiera, sakemm id-diżabilità tagħha tiġi evalwata mill-ġdid fl-Istat Membru l-ġdid.

Dan il-proċess ta’ valutazzjoni jista’ jdum aktar minn sena u matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-persuna tibqa’ mingħajr rikonoxximent jew appoġġ. “Qed nitolbu li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda vojt ġuridiku u l-ebda lakuna matul dan il-perjodu fil-pajjiż il-ġdid. Dan se jippermetti lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod dinji sa mill-bidu nett,” qal is-Sur Vardakastanis. (ll)

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona strateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni skarsament popolati tal-UE. Il-KESE qed jappella sabiex l-azzjoni tal-UE tittieħed permezz tal-politika ta’ koeżjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji mfasslin apposta, data affidabbli u mekkaniżmi speċifiċi għat-tkabbir sostenibbli.

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona strateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni b’popolazzjoni baxxa tal-UE. Il-KESE qed jappella sabiex l-azzjoni tal-UE tittieħed permezz tal-politika ta’ koeżjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji mfasslin apposta, data affidabbli u mekkaniżmi speċifiċi għat-tkabbir sostenibbli.

 

Ir-reġjuni mbiegħda tal-UE, minn gżejjer sa żoni muntanjużi u żoni skarsament popolati, qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jxekklu l-progress tagħhom. Il-gżejjer iżolati jiffaċċjaw spejjeż għoljin minħabba l-iżolament tagħhom, waqt li t-tibdil fil-klima joħloq riskji għaż-żoni muntanjużi. Il-popolazzjonijiet li qed jonqsu f’żoni skarsament popolati jeżiġu strateġiji innovattivi ta’ tkabbir. Ir-relatur tal-KESE Ioannis Vardakastanis jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċi mfasslin apposta, li jirrikonoxxu l-karatteristiċi distinti ta’ kull reġjun. Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat jirrakkomanda azzjoni koeżiva tal-UE, u jenfasizza s-solidarjetà reġjonali biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni. Il-KESE jipproponi li tintuża l-bażi legali b’saħħitha tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u jirrakkomanda fondi u patti speċifiċi bħall-“Patt tal-Gżejjer” jew il-“Patt dwar iż-Żoni Muntanjużi” biex jiġu indirizzati sfidi uniċi, li jirriflettu strateġiji ta’ suċċess fiż-żoni urbani u rurali. Is-soluzzjonijiet jinkludu aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jeħtieġu diversi miżuri, mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat sat-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u l-preservazzjoni tal-kultura lokali. It-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati jiddependi minn data preċiża u l-bini tal-kapaċità, il-promozzjoni ta’ djalogu attiv fost il-partijiet ikkonċernati tal-UE, nazzjonali u lokali biex jitfasslu politiki li jirriflettu ċ-ċirkostanzi uniċi ta’ dawn ir-reġjuni fi ħdan l-UE. (tk)

Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddeċieda li jaħtar lil Isabelle Le Galo Flores bħala s-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-KESE.

Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddeċieda li jaħtar lil Isabelle Le Galo Flores bħala s-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-KESE.

Is-Sinjura Le Galo Flores għandha Masters fl-inġinerija matematika kif ukoll fil-komunikazzjoni, l-istudji tal-media u r-relazzjonijiet internazzjonali. Matul il-karriera tagħha, hija kellha diversi karigi maniġerjali, l-aktar reċenti l-kariga ta’ Viċi Direttur Ġenerali għal Spanja fil-Fondazzjoni Daniel u Nina Carasso, f’liema kariga kienet involuta, fost l-oħrajn, f’sistemi tal-ikel sostenibbli u ċ-ċittadinanza permezz tal-arti.

Il-kariga ta’ Segretarja Ġenerali tal-KESE tikkostitwixxi funzjoni eżekuttiva, li tinvolvi l-għoti ta’ assistenza u pariri lill-korpi statutorji tal-KESE u l-ġestjoni ta’ forza tax-xogħol ta’ madwar 700 membru tal-persunal. Is-Sinjura Le Galo Flores bdiet il-mandat tagħha fis-16 ta’ Jannar għal perjodu ta’ ħames snin, wara Gianluca Brunetti, li l-mandat tiegħu wasal fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2023. (ehp)

L-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024 se jiddeterminaw il-futur tal-Ewropa, għalhekk il-KESE, l-imsieħeb istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, se jniedi l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu.

Tinsiex tniżżel id-data!

L-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024 se jiddeterminaw il-futur tal-Ewropa, għalhekk il-KESE, l-imsieħeb istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, se jniedi l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu.

Tinsiex tniżżel id-data!

Dan l-avveniment ewlieni se jlaqqa’ flimkien nies ta’ kull età u sfond, fosthom żgħażagħ, ġurnalisti u istituzzjonijiet tal-UE, għal dibattitu vivaċi dwar temi importanti għal ħajja tagħna ta’ kuljum u għall-futur tal-Ewropa.

Bit-titolu Rise up for democracy! (Nimmobilizzaw ruħna għad-demokrazija), se niddiskutu t-theddid u l-isfidi biex nissalvagwardjaw il-valuri demokratiċi, u nidentifikaw dak li s-soċjetà ċivili tistenna mill-mexxejja futuri tal-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna se jkunu parti mir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar l-elezzjonijiet Ewropej.

Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili se tkopri ħames inizjattivi ewlenin tal-KESE:

Ingħaqad magħna u ispira ruħek mill-workshops tagħna mmexxija mill-esperti u mid-dibatitti ta’ livell għoli. Semma leħnek dwar kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċiklu l-ġdid tal-Ewropa u għamel kuntatt mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-bidla minn madwar l-Ewropa kollha!

Ir-reġistrazzjoni se tiftaħ f’Jannar 2024.

Dalwaqt se jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli fuq is-sit web #CivSocWeek  (mt)

Il-Belġju ħa f’idejh it-tmexxija tal-UE fl-1 ta’ Jannar u ser ikollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE matul l-ewwel nofs kruċjali tal-2024. Bla dubju, l-enfasi se tkun fuq l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, meta ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-perkors futur tal-Unjoni. Aħna se jkollna rwol attiv biex nikkomunikaw l-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet u biex inħeġġu l-votanti jivvutaw.

Il-Belġju ħa f’idejh it-tmexxija tal-UE fl-1 ta’ Jannar u ser ikollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE matul l-ewwel nofs kruċjali tal-2024. Bla dubju, l-enfasi se tkun fuq l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, meta ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-perkors futur tal-Unjoni. Aħna se jkollna rwol attiv biex nikkomunikaw l-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet u biex inħeġġu l-votanti jivvutaw. “Il-KESE, bħala d-dar tas-soċjetà ċivili organizzata, ser jaħdem mill-qrib mal-Presidenza Belġjana biex tinbena Ewropa aktar b’saħħitha, aktar reżiljenti u aktar demokratika”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Dan il-fuljett il-ġdid jippreżenta l-attivitajiet tagħna matul l-ewwel nofs tas-sena u l-fajls ewlenin li s-Sezzjonijiet tagħna qed jaħdmu fuqhom, kif ukoll l-Opinjonijiet esploratorji mitluba mill-Presidenza Belġjana.
Tixtieq issir taf min huma l-membri Belġjani tagħna?

Hawnhekk tista’ tiskopri min huma u liema partijiet tas-soċjetà ċivili jirrappreżentaw. L-informazzjoni hija bin-Netherlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż (cw).

Is-settur finanzjarju, b’mod partikolari dak bankarju, huwa strumentali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva, peress li għandu influwenza konsiderevoli fuq il-finanzjament u t-tranżizzjoni essenzjali lejn is-sostenibbiltà. F’Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-metodi ewlenin li jsaħħu s-settur u jagħtu spinta lill-kontribut tiegħu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-għanijiet biex din tintlaħaq.

Is-settur finanzjarju, b’mod partikolari dak bankarju, huwa strumentali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva, peress li għandu influwenza konsiderevoli fuq il-finanzjament u t-tranżizzjoni essenzjali lejn is-sostenibbiltà. F’Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-metodi ewlenin li jsaħħu s-settur u jagħtu spinta lill-kontribut tiegħu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-għanijiet biex din tintlaħaq.

 

Sistema finanzjarja reżiljenti hija ta’ prijorità għat-trasformazzjoni ekonomika tal-UE, iżda għad hemm sfidi, minkejja l-isforzi biex jiġu inkorporati l-kontrolli tal-kompetittività u biex ir-regolamentazzjoni tiġi rfinata permezz tar-REFIT. Ir-relatur tal-KESE, Antonio García del Riego jirrimarka li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali mhux kompluti huma ostakli għall-unità tas-suq, li jwasslu biex il-banek tal-UE jibqgħu lura meta mqabbla mal-atturi globali. Dan se jkollu jiġi indirizzat permezz ta’ evalwazzjonijiet bir-reqqa sabiex jiġi żgurat settur finanzjarju kompetittiv u reżiljenti. Il-kompetizzjoni ġusta hija kruċjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, iżda teħtieġ oqfsa regolatorji aktar b’saħħithom li jissalvagwardjaw id-diversità tas-settur bankarju. Il-KESE jenfasizza r-rwol li taqdi l-kompetizzjoni ġusta biex tiżgura l-istabbiltà u tattira l-investiment, u jappella għal approċċ ibbilanċjat għas-sorveljanza li jippromovi d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà tas-suq. Filwaqt li jfaħħar il-fatt li l-UE tinkludi kontroll tal-kompetittività fil-politiki futuri, il-KESE jirrimarka li l-kompetittività trid tissaħħaħ mingħajr ma titbiegħed mill-istandards globali bħal dawk ta’ Basel III. Huwa essenzjali li dan il-kontroll ikun allinjat mal-ispeċifiċitajiet tas-settur finanzjarju. L-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jiġġieled il-frammentazzjoni tas-suq, issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u jrawwem l-integrazzjoni. Il-KESE jenfasizza li l-metodi ta’ evalwazzjoni effettivi, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-valutazzjonijiet tal-impatt, u data robusta għal teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat huma ċ-ċavetta biex is-settur jitmexxa ’il quddiem. (tk)

L-inizjattiva tal-Global Gateway għandha l-għan li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, iżda trid tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt, kif enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru. Il-KESE jipproponi li jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway.

L-inizjattiva tal-Global Gateway għandha l-għan li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, iżda trid tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt, kif enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru. Il-KESE jipproponi li jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway.

L-istrateġija Global Gateway twiegħed li jiġu mobilizzati sa EUR 300 biljun f’investimenti bejn l-2021 u l-2027 biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, tittejjeb il-konnettività diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u tissaħħaħ l-infrastruttura tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja.

Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-programmi ta’ investiment fl-inizjattiva tal-Global Gateway iridu jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet ta’ impatt, l-iżgurar ta’ sjieda demokratika ta’ inizjattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba, kif ukoll is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-proġetti. Fl-istess ħin jesprimi riservi dwar proġetti ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE, li jistgħu jiddevjaw mill-proċess standard ta’ monitoraġġ minħabba nuqqas ta’ ċarezza tal-proċeduri biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ kull proġett.

Il-membru tal-KESE u r-relatur tal-Opinjoni Stefano Palmieri enfasizza l-bżonn li proġetti tal-Global Gateway jirrispettaw numru ta’ prinċipji u objettivi, u ddikjara li “l-konformità mal-valuri tal-UE u s-sottomissjoni ta’ valutazzjonijiet ta’ impatt iddettaljati huma importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proġetti”.

Fl-istess ħin, il-Kumitat jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ involviment sinikattiv tal-partijiet ikkonċernati Ewropej lokali fil-proċess ta’ żvilupp globali. Il-KESE jixtieq jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway, li jibda bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari bejn il-Kumitat tal-Global Gateway u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. (mt)

Il-KESE huwa storja ta’ suċċess, iżda l-Unjoni Ewropea teħtieġ tagħmel sforz saħansitra aktar b’saħħtu biex tkompli bil-kuntratt soċjali tagħha, is-solidarjetà, ekonomija ġusta u l-inklużività. Dan huwa l-muftieħ biex jiġu ppreservati l-valuri Ewropej tagħha.

Il-KESE huwa storja ta’ suċċess, iżda l-Unjoni Ewropea teħtieġ tagħmel sforz saħansitra aktar b’saħħtu biex tkompli bil-kuntratt soċjali tagħha, is-solidarjetà, ekonomija ġusta u l-inklużività. Dan huwa l-muftieħ biex jiġu ppreservati l-valuri Ewropej tagħha.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Ruma (iffirmat f’Marzu 1957) u kellu l-ewwel sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju 1958. L-esperjenza tal-passat u t-tagħlimiet għall-futur kienu s-suġġett ta’ dibattitu intitolat “Ċelebrazzjoni tal-65 anniversarju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Insaħħu l-pożizzjoni tas-Soċjetà Ċivili, Niddefendu d-Demokrazija”, li sar fit-13 ta’ Diċembru 2023 fi Brussell. “Matul dawn l-aħħar 65 sena, il-Kumitat bena pjattaforma ġenwina li fi ħdanha s-soċjetà ċivili tista’ tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod liberu u b’hekk tħabrek biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel, leħen soċjetà ċivili b’saħħitha u indipendenti huwa aktar importanti minn qatt qabel. Hija s-soċjetà ċivili, fir-rwol tagħha bħala gwardjana, li tiżgura li ħadd ma jiddiżattiva l-kontrolli u l-bilanċi, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet u l-valuri fundamentali – ħalli ħadd ma “jitfi d-demokrazija””, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Il-membri tal-KESE jirrappreżentaw id-diversità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, fosthom in-negozji, it-trade unions u gruppi oħra ta’ interess. Huwa korp konsultattiv tal-UE li jippubblika Opinjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew u jaġixxi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE. “Il-KESE għalaq 65 sena u forsi tħossu li wasal iż-żmien li jirtira. Iżda dan huwa ’l bogħod mill-verità. Il-KESE issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, meta ħafna Ewropej qed jiffaċċjaw diffikultajiet. It-tentattiv biex jiġi injorat ir-rwol tad-djalogu soċjali organizzat għandu jiġi reżistit. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom jagħtuna aktar widen”, ħeġġeġ George Dassis, eks President tal-KESE u President tal-Assoċjazzjoni tal-Eks Membri tal-KESE.

Kif enfasizzat matul id-dibatittu, f’dawn l-aħħar snin il-KESE kien imsieħeb mexxej fid-dibattitu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE kien ukoll parti integrali mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li r-rakkomandazzjonijiet finali tagħha semmew b’mod espliċitu lill-KESE bħala strument biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u t-trasparenza fid-demokrazija tal-UE. Eżempji reċenti tar-rwol pijunier tal-KESE jinkludu li jkun l-ewwel wieħed li jappella għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa adatta u li jkun fuq quddiem nett biex jipproponi d-“dritt għat-tiswija”. Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, enfasizza l-importanza tal-impatt tal-ħidma tal-KESE kif ukoll it-titjib li sar fil-leġiżlazzjoni mill-1958 ’l hawn: “Fix-xhur reċenti ksibna diversi għanijiet prinċipali, inklużi l-kontroll tal-kompetittività u Patt Blu tal-UE. U se nkomplu naħdmu biex inwasslu l-fehmiet ta’ dawk li nirrappreżentaw.”

It-tranżizzjoni tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-kriżi klimatika u r-rispons għat-theddida ġeopolitika imposta mir-Russja huma biss xi wħud mill-isfidi li jsaħħu l-ħtieġa għal KESE li jgħin jinbena kunsens għall-ġid komuni, jiġu promossi l-valuri tal-integrazzjoni Ewropea u tiġi promossa l-kawża ta’ demokrazija parteċipattiva u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. “Għal 65 sena, il-KESE pprovda pjattaforma għar-rappreżentanti tat-trade unions biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet sinifikanti mal-impjegaturi, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess tal-KESE jinsab fil-kollaborazzjoni. Billi nlaqqgħu flimkien rappreżentanti minn ħafna gruppi differenti fis-soċjetà, jirnexxielna nfasslu Opinjonijiet b’ħafna perspettivi differenti. Din l-inklużività tiżgura li l-ħidma tagħna tibqa’ konformi mal-prinċipji demokratiċi” qalet Lucie Studničná, President tal-Grupp tal-Ħaddiema.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, appella biex il-KESE jkun totalment mobilizzat għall-elezzjonijiet Ewropej. “L-UE trid issolvi l-problemi tal-isfidi komuni Ewropej b’mod kollettiv. Jekk dan niksbuhx jiddependi ħafna mir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-KESE u l-membri tiegħu għandhom mandat u responsabbiltà li jilħqu liċ-ċittadini permezz tan-networks tagħhom ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-biżgħat u n-nuqqas ta’ fiduċja. Irridu nirrepetu l-appell tagħna għal miżuri ġenwini biex id-djalogu mas-soċjetà ċivili jiġi implimentat fil-livell tal-UE fl-oqsma kollha ta’ politika.”

Kun af aktar dwar l-istorja tal-KESE (ab)

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar l-eżiti tal-COP28, iżda jqisuhom bħala pjattaforma għal aktar azzjoni Ewropea fix-xena globali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jibqa’ impenjat li jindirizza l-kriżi klimatika, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li nkunu aktar ambizzjużi u ninvolvu aktar liż-żgħażagħ.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar l-eżiti tal-COP28, iżda jqisuhom bħala pjattaforma għal aktar azzjoni Ewropea fix-xena globali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jibqa’ impenjat li jindirizza l-kriżi klimatika, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li nkunu aktar ambizzjużi u ninvolvu aktar liż-żgħażagħ.

Il-COP28 timmarka bidla storika hekk kif għall-ewwel darba fi tletin sena l-pajjiżi ħadu l-impenn li jitbiegħdu mill-fjuwils fossili fis-sistemi tal-enerġija. Il-President tal-KESE Oliver Röpke jirrikonoxxi dan il-progress iżda jinsisti li l-fjuwils fossili jiġu eliminati kompletament b’mod gradwali u jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti f'dawn l-isforzi.

In-negozjaturi tal-UE jaffermaw li rnexxielhom iżommu ħaj l-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali. Il-COP28 tiffoka fuq is-settur tal-enerġija, billi timmira lejn tnaqqis ta’ 43 % fl-emissjonijiet sal-2030 u għandha fil-mira tagħha emissjonijiet żero netti sal-2050. Madankollu, il-ftehim safa l-mira ta’ kritika minħabba n-nuqqasijiet tiegħu, inkluż l-inċertezzi dwar il-kisba tal-mira ta’ 1,5°C, l-influwenza tal-Istati li jipproduċu ż-żejt u d-dgħufija tal-dispożizzjonijiet finanzjarji fir-rigward tat-tranżizzjoni.

Sandrine Dixson-Declève, kopresident ta’ The Club of Rome, twissi dwar iż-żieda fl-inugwaljanza tal-ġid u t-tensjonijiet soċjali li jirriżultaw minn kondiviżjoni inadegwata tal-piżijiet. Id-delegat taż-Żgħażagħ tal-KESE Diandra Ni Bhuachalla tgħid li tinsab diżappuntata ferm mill-eżitu tal-COP28, u tenfasizza l-importanza tal-esperjenzi reali tan-nies fil-ġlieda kontra l-lobbyists tal-fjuwils fossili.

Minkejja t-tħassib, il-membri tal-KESE jirrikonoxxu aspetti pożittivi tal-ftehim ta’ Dubai u jwiegħdu li se jindirizzaw il-lakuni, u fl-istess ħin iħeġġu istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jagħmlu l-istess. Il-messaġġ ġenerali mid-dibattitu tal-KESE huwa impenn riżolut: “Mhux se naqtgħu qalbna” biex nindirizzaw b’mod urġenti l-kriżi tal-klima permezz ta’ azzjoni kontinwa tal-UE u tan-NU. (ks)

Minn meta nibtet l-idea ta’ suq uniku Ewropew fis-snin tmenin, sad-disinn u t-tnedija tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin seħħew ħafna bidliet storiċi fil-kontinent tagħna u lil hinn minnu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, id-daqs u l-għadd ta’ membri tal-UE rduppjaw u l-UE ffaċċjat kriżijiet u kunflitti, kif ukoll sfidi naturali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi.

Minn meta nibtet l-idea ta’ suq uniku Ewropew fis-snin tmenin, sad-disinn u t-tnedija tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin seħħew ħafna bidliet storiċi fil-kontinent tagħna u lil hinn minnu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, id-daqs u l-għadd ta’ membri tal-UE rduppjaw u l-UE ffaċċjat kriżijiet u kunflitti, kif ukoll sfidi naturali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi.

Maż-żmien is-sitwazzjoni ġeopolitika nbidlet b’mod drammatiku wkoll. Fl-Asja ħarġet fid-dieher superpotenza ġdida li saret rivali sistemika għall-UE f’ħafna livelli. Matul is-snin, il-prinċipji tas-suq intern, jiġifieri l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-ħaddiema, tejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-UE. Madankollu, is-suq uniku għadu ’l bogħod milli jkun perfett.

L-implimentazzjoni tar-regoli maqbula b’mod komuni hija pjuttost frammentata, ir-rekwiżiti amministrattivi mmultiplikaw u l-kapaċità ta’ sorveljanza tas-suq hija estremament limitata. Barra minn hekk, bħalissa s-suq intern qed jiffaċċja għanijiet konfliġġenti: talbiet għal sussidji mill-industrija iżda wkoll minn atturi oħra fil-livell nazzjonali kontra sejħiet biex tiġi limitata l-għajnuna mill-Istat u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha; rekwiżiti biex il-produzzjoni lokali żżomm il-ħolqien ta’ valur u l-impjiegi fl-Ewropa kontra talbiet għal swieq miftuħa u aċċess għalihom bħala mod kif jibqgħu kostkompetittivi fir-rigward tal-kompetituri globali u biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti affordabbli; aċċess għal materja kritika indispensabbli għall-produzzjoni ta’ beni, mill-karozzi sat-turbini eoliċi jew il-pannelli solari u t-tagħmir tal-kċejjen jew tal-ġonna, kontra l-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ dawn ir-riżorsi, bħall-garanzija tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u l-indirizzar tal-kompetituri għal dawn ir-riżorsi.

Il-ftuħ tas-swieq u l-fruntieri tal-UE, aspett ewlieni li fuqu huwa bbażat il-ħsieb oriġinali tas-suq uniku, mhuwiex biżżejjed f’dinja li m’għadhiex tirrispetta regoli kummerċjali internazzjonali maqbula b’mod multilaterali. Fil-fatt, hemm ir-riskju li dan isir punt dgħajjef għall-UE jekk ma jkunx mgħammar b’ċerti salvagwardji, bħal sorveljanza stretta tal-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE jew l-iskrinjar tal-investimenti u l-objettivi relatati mill-investituri. F’dinja li qed titbiegħed minn sistemi multilaterali bbażati fuq ir-regoli lejn stati li jirristrinġu jew jillimitaw l-aċċess għar-riżorsi abbażi tal-interessi nazzjonali tagħhom, l-ekonomija tal-globalizzazzjoni u tal-ktajjen ta’ provvista li jkunu integrati internazzjonalment m’għadhiex tiffunzjona.

Għaldaqstant, suq intern ibbażat fuq dawn ir-regoli jeħtieġ strateġija ġdida. Din għandha tiffoka fuq diversi aspetti: politika industrijali Ewropea, qafas favorevoli għan-negozji u l-SMEs, intrapriżi tal-ekonomija soċjali, appoġġ pubbliku għall-proġett Ewropew, servizzi organizzati tajjeb u effiċjenti ta’ interess ġenerali u passi biex jiġi ppreservat u żviluppat il-mudell soċjali tagħna.

Fil-fehma tal-KESE, it-tlestija tas-suq kapitali tal-UE hija kruċjali għall-approfondiment tas-suq intern. Is-suq kapitali għandu jiġi ffukat fuq il-finanzjament tal-produzzjoni, ix-xiri u l-fluss ta’ oġġetti u servizzi, b’mod partikolari billi jappoġġja r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni tal-intrapriżi u s-servizzi ta’ interess ġenerali u jħeġġeġ l-intraprenditorija.

Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità lill-politiki li jipprovdu qafas għall-innovazzjoni minn kumpaniji privati u li jippromovu l-innovazzjoni permezz tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-kooperazzjoni bejn l-industrija u x-xjenza. L-infurzar tal-acquis għandu jkun prijorità ulterjuri għat-tisħiħ tas-suq intern. Sfortunatament, ħafna minn dawn ir-regoli ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali, huma implimentati b’mod differenti ħafna, jew huma applikati fi gradi differenti ħafna. Dan huwa ostaklu serju u sostanzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.