Il-flussi transfruntiera tal-enerġija huma essenzjali għall-provvista tal-elettriku u l-gass lid-diversi Stati Membri tal-UE. Dan ifisser li l-infrastruttura tal-enerġija trid tiġi aġġornata permezz ta’ interkonnetturi bejn il-pajjiżi ġirien biex tiżdied il-kapaċità tal-enerġija sostenibbli tal-Unjoni.

Fl-Opinjoni li ntalab mill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE u li adotta fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2024, il-KESE ta messaġġ ċar dwar din il-kwistjoni.

L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-iżviluppi tal-grilja, u jrid isir investiment sostanzjali biex jistimola l-ekonomija Ewropea u joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja li jirrispettaw l-ambjent.

“Aħna fil-KESE nemmnu li, sabiex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u l-awtonomija strateġika tal-enerġija, huwa ta’ importanza fundamentali li nagħmlu bidla strutturali fis-sistema tal-enerġija tagħna,” qal il-President tal-KESE, Oliver Röpke, matul id-dibattitu li sar b’rabta mal-adozzjoni tal-Opinjoni.

Il-Ministru tal-Enerġija għall-Belġju, Tinne Van der Straeten, enfasizzat li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, li tirriżulta mill-ħtieġa tal-azzjoni klimatika, issa hija imperattiv ekonomiku u ta’ sigurtà, u li l-interkonnessjoni ħolqot sistema aktar flessibbli li tista’ tibbilanċja l-varjazzjonijiet ġeografiċi fil-ġenerazzjoni eolika u solari.

Hija qalet li “Il-livell tal-ambizzjonijiet tal-Ewropa għall-enerġija rinnovabbli bħalissa huwa ogħla mill-pjani tagħha f’termini ta’ infrastruttura, u għalhekk neħtieġu dawn l-infrastrutturi trans-Ewropej malajr. U jeħtieġ li jkunu kosteffiċjenti, siguri, sostenibbli u flessibbli”. (mp)