European Economic
and Social Committee
Il-KESE jagħti bidu għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2022 b’enfasi fuq żewġ temi: iż-żgħażagħ u l-Ukrajna
Il-ħolqien ta’ futur aħjar għaż-żgħażagħ u l-għajnuna lill-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna huma ż-żewġ temi tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili 2022 li se jippremja proġetti u inizjattivi innovattivi u kreattivi f’żewġ kategoriji: it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u l-għajnuna lill-persuni ċivili Ukreni affettwati mill-avvenimenti terribbli f’pajjiżhom li jinsab mifni bil-gwerra.
Se jingħataw total ta’ EUR 60 000 lil massimu ta’ sitt rebbieħa, bi tliet rebbieħa għal kull kategorija. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju se ssir matul is-sessjoni plenarja tal-KESE fi Brussell fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2022.
Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija l-31 ta’ Lulju 2022 fl-10 a.m. (ħin ta’ Brussell).
Il-proġetti jridu jkunu diġà ġew implimentati jew ikunu għadhom għaddejjin. Dawk li huma ppjanati iżda li jkunu għadhom ma bdewx jiġu implimentati sal-31 ta’ Lulju 2021 se jiġu esklużi.
Il-premju huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-individwi u l-kumpaniji privati kollha li jwettqu inizjattivi mingħajr skop ta’ qligħ. L-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji jridu jkunu rreġistrati b’mod uffiċjali fl-UE filwaqt li l-applikanti individwali jeħtieġ li jkunu ċittadini tal-UE jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-UE.
L-inizjattivi u l-proġetti kollha jridu jitwettqu fl-UE, bl-eċċezzjoni tal-proġetti fil-Kategorija 2 (is-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna) li jistgħu jitwettqu wkoll fl-Ukrajna.
Id-deskrizzjoni sħiħa tar-rekwiżiti u l-formola tal-applikazzjoni online huma disponibbli fuq il-paġna web tagħna.
L-għan tal-Premju ewlieni tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili huwa li titqajjem kuxjenza dwar il-kontribut eċċellenti tas-soċjetà ċivili għall-ħolqien ta’ identità u ċittadinanza Ewropea u għall-promozzjoni tal-valuri komuni li jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea.
Ta’ kull sena l-premju, li wasal fit-tlettax-il sena tiegħu, jiffoka fuq tema differenti ta’ rilevanza partikolari għall-UE.
KATEGORIJA 1: IŻ-ŻGĦAŻAGĦ HUMA L-FUTUR TAGĦNA, IŻDA WKOLL IL-PREŻENT
It-tema tal-Kategorija 1 hija t-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ.
Fis-sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza enormi tal-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li min-naħa tiegħu jiżgura l-istabbiltà u r-reżiljenza tad-demokraziji Ewropej.
Billi jiddedika premju għal din il-kategorija, il-KESE jixtieq jenfasizza l-kontribut li ż-żgħażagħ jistgħu jagħtu fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa u l-ħtieġa urġenti li jingħataw l-opportunità li jsiru ċittadini u atturi attivi ta’ bidla pożittiva fl-ekonomija u s-soċjetà. Fil-preżent dan sar ferm aktar importanti, peress li ż-żgħażagħ ġew affettwati b’mod sproporzjonat mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjetali tal-COVID-19.
Għalhekk, il-KESE se jagħżel ir-rebbieħa minn fost il-proġetti li għandhom l-għan li joħolqu futur aħjar għaż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Dawn għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ Ewropej u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika u soċjali.
L-applikazzjonijiet eliġibbli jridu jkopru mill-inqas waħda mill-oqsma li ġejjin: l-impjiegi u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, inkluża l-intraprenditorija; l-edukazzjoni u t-taħriġ; is-saħħa u l-benesseri, b’mod partikolari bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19; il-parteċipazzjoni fil-proċessi politiċi, inklużi kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u teknoloġiji ġodda; it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-gruppi vulnerabbli u l-bini tal-kapaċità ta’ multiplikaturi żgħażagħ.
KATEGORIJA 2: NINGĦAQDU FLIMKIEN GĦALL-UKRAJNA
It-tema tal-Kategorija 2 hija s-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna. Il-premju se jonora inizjattivi effettivi, innovattivi u kreattivi li għandhom l-għan li jgħinu liċ-ċivili li qed isofru minħabba l-gwerra.
Waħda mill-prijoritajiet attwali tal-KESE hija l-protezzjoni tan-nies fl-Ukrajna. Il-KESE jinsisti li r-refuġjati kollha għandhom jirċievu protezzjoni adegwata u f’waqtha. Is-soċjetà ċivili organizzata diġà wriet li r-rwol tagħha f’dan il-kuntest huwa kruċjali. F’ħafna pajjiżi, din immobilizzat mil-lum għal għada u qed tikkoopera mal-awtoritajiet biex tgħin kemm lin-nies fl-Ukrajna kif ukoll lill-Ukreni li ħarbu lejn pajjiżi oħrajn.
Filwaqt li jesprimi s-sogħba profonda tiegħu għall-vittmi kollha tal-aggressjoni, għall-qerda tal-bliet u l-infrastruttura tal-Ukrajna, u għat-tbatija umana u l-ħsara ambjentali inkalkolabbli, b’dan il-premju l-KESE jixtieq jagħti ġieħ lil dawk kollha attivi fuq il-post li joffru għajnuna umanitarja lill-Ukreni fuq bażi ta’ kuljum u li jgħinu lir-refuġjati kemm mal-wasla kif ukoll matul l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Ewropea.
Il-proġetti eliġibbli għall-premju jistgħu jkopru firxa wiesgħa ta’ temi, bħall-għoti ta’ għajnuna umanitarja, kenn jew għajnuna ta’ emerġenza; l-għoti ta’ appoġġ soċjali, psikoloġiku jew amministrattiv; għajnuna lir-refuġjati Ukreni biex jintegraw fil-pajjiżi ospitanti, pereżempju billi jiġi offrut taħriġ fil-lingwa jew għajnuna biex isibu impjieg; għajnuna lil persuni vulnerabbli; il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna.
Lista aktar dettaljata iżda mhux eżawrjenti tas-suġġetti possibbli tal-proġetti għaż-żewġ kategoriji tinsab disponibbli fuq il-paġna web dedikata tal-KESE.
IL-PREMJIJIET PREĊEDENTI GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Fl-2021, ġew ippremjati proġetti klimatiċi li jippromovu t-tranżizzjoni ġusta. Fl-2020, il-KESE ssostitwixxa l-Premju għas-Soċjetà Ċivili tiegħu bi Premju għas-Solidarjetà Ċivili, ta’ darba, iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. Temi oħrajn fil-passat inkludew l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-identitajiet Ewropej u l-wirt kulturali, u l-migrazzjoni.
Nistiednuk tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’pajjiżek biex japplikaw għall-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tal-2022 u b’hekk tgħin biex proġetti ta’ siwi jiksbu rikonoxximent.