Kważi nofs aktar minn tliet miljun trainee fl-UE ma jirċievu l-ebda kumpens u kważi terz ma għandhom l-ebda aċċess għall-protezzjoni soċjali.

Il-KESE organizza dibattitu ta’ livell għoli f’Lulju bil-għan li tittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traineeships fost sejħiet mis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex titwaqqaf il-prattika mifruxa ta’ trainees li jaħdmu b’xejn u li ma jkollhom l-ebda aċċess għall-protezzjoni soċjali jew drittijiet tax-xogħol u soċjali oħra.

Fid-dibattitu tas-sessjoni plenarja mal-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, il-KESE laqa’ l-aħħar proposti tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jittejbu t-traineeships fl-Ewropa – id-Direttiva dwar it-Traineeship u l-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ.

Madankollu, il-KESE ħeġġeġ lill-koleġiżlaturi biex isaħħu l-proposti biex jiġi evitat li t-traineeships jintużaw ħażin bħala sors ta’ xogħol irħis jew sostitut għall-impjiegi fil-livell inizjali. Huwa enfasizza l-importanza ta’ kumpens ġust għat-trainees u li jiġu koperti l-ispejjeż tal-għajxien li jġarrbu meta jieħdu sehem fi traineeship.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, qal li “It-traineeships huma għodda kruċjali li tippermetti liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza diretta ta’ xogħol. Irridu niżguraw li ħadd miż-żgħażagħ ma jiġi eskluż minn dawn l-opportunitajiet minħabba restrizzjonijiet finanzjarji. Huwa għalhekk li t-traineeships jeħtieġ li jiġu kkumpensati b’mod ġust. Irridu nindirizzaw dawk it-traineeships fl-Ewropa li qed jisfruttaw, u nirringrazzja lill-Kummissjoni għall-proposti tagħha biex jintlaħaq dan l-għan.”

Il-Kummissarju Schmit qal li “Traineeships jistgħu jkunu mod tajjeb għaż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza inizjali ta’ xogħol, jitgħallmu ħiliet ġodda u jibnu n-network tagħhom. Madankollu, dawn iridu jkunu traineeships ta’ kwalità tajba. Dan ifisser li jrid ikun hemm objettiv ċar ta’ tagħlim, iridu jkunu bi ħlas u t-trainees iridu jirċievu mentoraġġ u gwida biex jgħinuhom fit-tranżizzjoni tagħhom lejn id-dinja tax-xogħol.”

Fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar it-Traineeship u Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships Imsaħħaħ, il-KESE enfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet rilevanti fil-ġlieda kontra r-relazzjonijiet regolari ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships. L-imsieħba soċjali jistgħu jkunu strumentali f’dawn l-isforzi, f’konformità mal-prattiki nazzjonali eżistenti.

“Huwa essenzjali li jittejjeb il-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships fl-Ewropa kollha, speċjalment f’termini tat-tisħiħ tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ, u li jiġi miġġieled l-abbuż u l-użu ħażin tat-traineeships. Għalhekk nappellaw lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-proposti mressqa sabiex tiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Nicoletta Merlo. (ll)