minn Christian Moos

It-tħassib dwar l-influwenza malizzjuża minn stati ostili bħar-Russja huwa kompletament ġustifikat. Kien hemm diversi eżempji ta’ self favorevoli għal partiti tal-lemin estrem, pożizzjonijiet fuq bordijiet superviżorji għal eks politiċi, kuntratti fajdin għal intraprendituri dubjużi u l-finanzjament tas-suppost NGOs.

Għalhekk, tabilħaqq jeħtieġ li nkunu viġilanti ħafna fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej. Madankollu, minkejja li għamel xi rakkomandazzjonijiet tajbin lill-Istati Membri, il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija wasal tard wisq. L-ewwel nett, il-Kummissjoni nediet il-pakkett tard. Imbagħad, fil-bidu tas-sajf tal-2023, ipposponietu b’aktar minn sitt xhur minħabba li l-kritika tal-proposta leġiżlattiva li l-pakkett kellu jinkludi kienet qawwija ħafna u, fuq kollox, unanima.

Madankollu, il-pakkett ippubblikat f’Diċembru kkonferma l-agħar biżgħat. Id-Direttiva proposta tistigmatizza lill-NGOs li jirċievu fondi minn gvernijiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE, bħall-Istati Uniti. Il-proposta waħedha sservi bħala ġustifikazzjoni għal gvernijiet awtoritarji li jużaw liġijiet dwar aġenti barranin biex jippruvaw isikktu kwalunkwe oppożizzjoni demokratika.

Apparti dan, id-definizzjonijiet tad-Direttiva huma vagi u hemm lakuni enormi għall-aġenti attwali ta’ Moska. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata qed jistaqsu għaliex il-Kummissjoni mhijiex qed tistabbilixxi reġistru ġenerali ta’ trasparenza li jkopri lir-rappreżentanti kollha ta’ gruppi ta’ interess, ikun kompatibbli mal-liġijiet eżistenti fil-livell nazzjonali u joħloq bażi legali ċara u sigura għall-partijiet interessati kollha.

Il-Kummissjoni għandha tirtira dan l-abbozz ta’ direttiva u tieħu approċċ aktar komprensiv għall-abbozz li jmiss fl-2025 li ma jkunx jinkludi dak li eżattament iridu l-għedewwa tad-demokrazija.