European Economic
and Social Committee
Is-soċjetà ċivili tixpruna l-bidla fil-kontinent Afrikan
Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ospita dibattitu dwar id-demokrazija fl-Afrika ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Ekonomiku u Kulturali tal-Unjoni Afrikana (ECOSOCC tal-UA). Iż-żewġ naħat qablu li s-soċjetà ċivili hija l-ixprun għal sħubija ta’ suċċess bejn l-UE u l-Afrika bbażata fuq l-ugwaljanza, li trawwem id-djalogu ċivili u soċjali.
Fid-dibattitu fil-plenarja, li fih adotta wkoll l-Opinjoni Id-demokrazija fl-Afrika – is-sitwazzjoni attwali u perspettivi futuri. Xi rwol għandu l-KESE?, il-KESE tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-sħubija strateġika mal-Unjoni Afrikana, u li jappoġġja l-inizjattiva għal impriża konġunta biex jiġu promossi l-valuri tad-demokrazija, id-djalogu inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli. Aktar kmieni din is-sena, il-KESE u l-ECOSCOCC tal-UA ffirmaw il-Memorandum ta’ Qbil.
Kyeretwie Osei, Kap tal-Programmi fl-Unjoni Afrikana tal-ECOSOCC, fid-dikjarazzjoni li ta f’isem il-President tal-ECOSOCC, Khalid Boudali, spjega: “Għandna xogħol importanti fil-bini tal-istituzzjonijiet biex insaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-kontinent kollu, u fl-istess waqt niżguraw li nkunu kapaċi nistabbilixxu governanza tajba billi neliminaw u nnaqqsu l-korruzzjoni u noħolqu spazji għall-espressjoni taċ-ċittadini, fost affarijiet oħra. Is-soċjetà ċivili tinsab fil-qalba ta’ dan l-għan”.
Oliver Röpke, il-President tal-KESE enfasizza: “Il-kooperazzjoni mal-ECOSOCC tal-UA hija kruċjali fil-promozzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fl-Afrika. Is-soċjetà ċivili għandha tieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tindirizza aktar sfidi, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-migrazzjoni”.
Fl-Opinjoni tiegħu, il-KESE jindirizza dawn l-isfidi u huwa tal-fehma li, flimkien mar-rappreżentanti rikonoxxuti tal-pjattaformi tas-soċjetà ċivili Afrikana, dan jista’ jgħin fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, jippromovi d-drittijiet tal-bniedem u jgħin fid-difiża tar-reġimi demokratiċi fl-Afrika.
Carlos Trindade, membru tal-KESE u relatur tal-Opinjoni, semma li l-approċċ Ewropew għall-iżvilupp tad-demokrazija fl-Afrika għandu jkun ibbażat fuq relazzjoni bejn partijiet ugwali, u jqis il-kumplessità tal-kontinent f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, diversità u interessi ġeopolitiċi.
Sifa Chiyoge Buchekabiri, Direttur Reġjonali u Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ International Cooperative Alliance-Africa (ICA-Africa), tkellmet dwar l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa fl-Afrika. “Il-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali peress li ħafna drabi n-nisa huma s-sinsla tal-unitajiet domestiċi tagħhom. Għalhekk, billi nemanċipaw lin-nisa mhux biss qed ngħinu lill-individwi, imma qed insaħħu wkoll il-pożizzjoni ta’ komunitajiet sħaħ”.