“Wasal iż-żmien li nieħdu pass konkret ’il quddiem mir-Rapport ta’ Draghi qabel ma jisparixxi fil-kurituri tal-politika. Neħtieġu strateġisti u dawk li jfasslu l-politika li huma tajbin u li kapaċi jmorru lil hinn minn dan ir-Rapport biex jiżviluppaw strateġiji għall-politika industrijali tal-UE” jgħid l-intraprenditur u x-xjenzjat Kroat Stjepan Orešković.  Flimkien ma’ Jörn Fleck, direttur għoli fl-istitut tal-grupp ta’ riflessjoni trans-Atlantiku tal-Kunsill tal-Atlantiku, huwa ppreżenta l-inizjattiva ambizzjuża “Future 500” waqt il-konferenza internazzjonali pubblika “Conclave II” fi Brussell. Parti mill-pjattaforma usa’ SEEUS Futures tal-Kunsill tal-Atlantiku, l-inzijattiva “Future 500” għandha l-għan li tidentifika u tappoġġja 500 kumpanija Ewropea lesti għal tkabbir sostanzjali u impatt globali. L-għan huwa li l-intraprendituri l-ġodda tal-Ewropa jiġu appoġġjati biex jikkompetu globalment, u fl-istess ħin tissaħħaħ il-preżenza tal-Ewropa fix-xena ekonomika internazzjonali. Stjepan Orešković qalilna aktar dwar il-proġett.

Tista’ tippreżenta fil-qosor l-idea ewlenija tal-proġett “Future 500”?

Abbażi tal-għarfien minn rapporti importanti dwar il-futur tal-Ewropa – imħejjija minn Draghi, Letta u Heitor – u analizzata permezz tal-lenti doppja ta’ xjenzati u intraprendituri, l-inizjattiva tqajjem diversi mistoqsijiet kritiċi: Min ser jimplimenta dawn il-pjani ta’ kompetittività, u l-Kumpass tal-Kompetittività li għadu kif ġie ppubblikat? X’mekkaniżmi ser jintużaw? Xi spejjeż ser jiġġarrbu? U x’redditi jistgħu jkunu mistennija meta mqabbla ma’ dawk ta’ kumpaniji Amerikani ġodda b’rata għolja ta’ tkabbir? Il-proġett “Future 500” huwa pedament tal-pjattaforma SEEUS, li tirrappreżenta lill-Istati Uniti, l-UE u x-Xlokk tal-Ewropa, u għandu l-għan li jagħti spinta lill-viżibbiltà u l-kooperazzjoni fost dawn ir-reġjuni. Huwa mfassal b’mod strateġiku biex jindirizza l-ħtieġa urġenti tal-Ewropa li trawwem ambjent dinamiku li jittrasforma lill-kumpaniji lokali f’mexxejja fix-xena globali. L-inizjattiva tiffoka fuq l-għoti ta’ kapital ta’ riskju, gwida strateġika, u networking internazzjonali, u tisfrutta t-tagħlim ta’ esperti bħal Dani Rodrik mill-Università ta’ Harvard u Beata Jaworcik mill-BERŻ biex jiġu żviluppati politiki industrijali tas-seklu 21 li jsaħħu b’mod sinifikanti l-pożizzjoni kompetittiva tagħna.

Diġà għandek kandidati potenzjali għall-500 kumpanija li qed tippjana li tagħżel? X’inhuma r-rekwiżiti bażiċi li kumpanija trid tissodisfa biex tintgħażel?

Filwaqt li s’issa ma ntgħażlet l-ebda kumpanija speċifika, il-proġett “Future 500” ser jimmira lejn entitajiet b’potenzjal ta’ skalabbiltà u tkabbir rapidu. Il-proċess ser ikun miftuħ u kontinwu, u ser jipprijoritizza l-wegħda ekonomika, l-innovazzjoni, u l-importanza strateġika fis-setturi tagħhom. Ser infittxu wkoll li nistabbilixxu sħubijiet ma’ banek multilaterali tal-iżvilupp u investituri li diġà qed jappoġġjaw kumpaniji biex isiru forza kompetittiva. L-enfasi hija fuq kumpaniji li diġà juru perkors robust ta’ tkabbir, kapaċitajiet innovattivi, u l-ambizzjoni li jespandu globalment. Dan jiżgura li l-kumpaniji ma jkunux biss mexxejja tas-suq iżda wkoll pijunieri fit-teknoloġija u fil-mudelli kummerċjali. Ser nibnu fuq l-esperjenzi ta’ proġetti kbar bħal “Scale-Up Europe”, li jlaqqgħu flimkien fundaturi, investituri, eżekuttivi u xjenzati bil-missjoni li l-Ewropa ssir dar il-promoturi tat-teknoloġija. ‎Għall-pajjiżi kandidati tal-UE, dawn il-kumpaniji li potenzjalment jintgħażlu għandhom importanza kruċjali – dawn ser jinkorporaw il-prinċipji tal-ekonomija l-ġdida u jservu bħala mudelli għal ditti ambizzjużi u kompetittivi internazzjonalment li ma jiddependux l-aktar mill-finanzjament nazzjonali tal-kontribwenti.

Kemm inti ottimist dwar il-potenzjal tal-kompetittività globali tal-Ewropa?

Hemm ottimiżmu sinifikanti dwar il-kapaċità tal-Ewropa li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva globali tagħha u titbiegħed mill-attitudnijiet prevalenti tal-awtokommiżerazzjoni. Ir-redditi totali tal-valur referenzjarju tal-istokk taż-żona tal-euro minn meta beda dan is-suq tiela’ (bull market) lejn l-aħħar tal-2022 kienu ogħla minn dawk ta’ S&P 500, jekk inħallu lil Nvidia barra. Is-sistemi soċjali u tas-saħħa Ewropej qed iżommu lin-nies b’saħħithom u attivi għal perjodi itwal bi spiża ħafna aktar baxxa, u għandhom impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna fuq skala globali.

Qed nippruvaw nirrepetu l-kunċett ta’ Immanuel Kant ta’ “entużjażmu ġenwin” li kien semma fil-kuntest tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Mentalità bħal din tista’ tittrasforma l-isfidi f’forza motivazzjonali, li twassal għal determinazzjoni apparentement invinċibbli. Neħtieġu inqas eliti sinjuri u kompjaċenti u segwaċi wisq obbidjenti u mhux ambizzjużi, li ilhom il-favoriti għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Minflok, neħtieġu aktar “żgħażagħ għatxana” – individwi enerġetiċi u ambizzjużi lesti li jilqgħu l-isfidi.

L-inizjattiva “Future 500” għandha l-għan li tindirizza b’mod proattiv il-kwistjonijiet kroniċi indikati fir-rapporti dwar il-kompetittività, bħall-ħtieġa għal innovazzjoni intraprendenti u l-espansjoni tal-intrapriżi. Il-pożizzjoni globali tal-Ewropa ser tiddependi ħafna mill-kapaċità tagħha li tintegra teknoloġiji avvanzati, trawwem it-talent intraprenditorjali, u tirfina l-politiki industrijali biex tappoġġja t-tkabbir inklużiv. Billi tisfrutta l-forza tax-xogħol edukata sew, il-wirt innovattiv rikk, u s-setturi industrijali tradizzjonali u ġodda – u tindirizza kwistjonijiet bħall-frammentazzjoni regolatorja u l-iżbilanċ tas-suq – l-inizjattiva tistinka biex toħloq ambjent fertili għall-mexxejja tan-negozju u l-innovaturi.

Fil-qosor, l-inizjattiva “Future 500” timmarka pass importanti fl-ittestjar tax-xenarju ekonomiku tal-Ewropa, billi tippożizzjona l-kontinent bħala kompetitur globali billi tippromovi kumpaniji b’potenzjal għoli u ssaħħaħ l-ekosistema intraprenditorjali. Ma nistgħux nirbħu f’kompetizzjoni jekk ma nkunux nafu min huma l-kompetituri tagħna.

Dr Stjepan Orešković huwa xjenzat u intraprenditur. Huwa membru tal-Akkademja Ewropea tax-Xjenza u l-Arti u fundatur ta’ Bosqar Invest. Taħt it-tmexxija tal-familja tiegħu, Bosqar Invest żied il-forza tax-xogħol tiegħu minn 300 għal aktar minn 16 000 impjegat fi żmien ħames snin, u wera strateġija ta’ espansjoni formidabbli li tintegra x-xjenza, it-teknoloġija, l-investimenti minn fondi tal-pensjoni u fondi oħra, u kuraġġ intraprenditorjali – approċċ vitali rrakkomandat mir-rapport ta’ Draghi. Din l-enfasi strateġika x’aktarx influwenzat it-tnedija tal-proġett Future 500 mill-Kunsill Atlantiku li qed jitkellem dwaru.