“Freedom is just another word for nothing left to lose” jgħid vers tal-kanzunetta popolari tal-mużika country miktuba minn Kris Kristofferson fl-1969, li saru hafna verzjonijiet tagħha minn artisti bħal Janis Joplin u Kenny Rogers. Madankollu, il-libertà fl-Ewropa llum, għall-kuntrarju tal-kanzunetta “Me and Bobby McGee”, tfisser li ħa nitilfu ferm jekk ma niddefendux il-libertà tagħna. Speċjalment fl-Ungerija.

In-nies jidraw l-affarijiet tajbin malajr ħafna. Ma jitfgħux ħarsithom lura fil-passat biex japprezzaw il-libertajiet bħal-libertà tal-ivvjaġġar, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-impjieg jew il-libertà tal-edukazzjoni fl-Ewropa. In-nies tal-ġenerazzjoni tiegħi (boomer imwieled fl-aħħar tas-snin 50 meta l-Ungerija kienet għadha fil-Patt ta’ Varsavja) jiftakru t-triq twila li wasslet għal-libertà tal-lum, mill-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin sal-adeżjoni tal-Ungerija mal-UE, il-familja ta’ nazzjonijiet ħielsa, fl-2004. Għaddew erbatax-il sena mill-waqgħa tal-Komuniżmu sakemm pajjiżna seta’ jingħaqad, flimkien maċ-Ċekja, is-Slovakkja u l-Polonja. Fil-fehma tiegħi, bħalissa għandna erbatax-il sena oħra warajna, u l-Ungerija qed timxi lura bil-mod, u qed taqa’ lura, u jekk inqabblu s-sitwazzjoni fil-bidu tad-disgħinijiet, meta l-libertajiet ċivili u l-libertà tal-istampa kienu fuq quddiem nett, għall-populiżmu, l-awtokrazija u d-dittatorjat kostituzzjonali tal-lum, toħroġ fid-dieher kontradizzjoni.

Il-Gvern f’Budapest kważi ddikjara b’mod miftuħ gwerra fuq il-valuri komuni Ewropej: in-narrattiva tiegħu ssejjaħ lil “Brussell” għadu, u tpinġi lill-UE bħala x-xitan innifisu. Dan ilu għaddej għal kważi 14-il sena u juri d-diffikultà li jkun hemm appoġġ għal kwalunkwe kampanja favur l-Ewropa, kemm mill-oppożizzjoni (jew x’fadal minnha) kif ukoll mis-soċjetà ċivili u l-NGOs (hawn ukoll irridu ngħidu, jew x’fadal minnhom). Madankollu, nirrifjutaw li naqtgħu qalbna – nirrifjutaw li nħallu l-valuri Ewropej itiru mar-riħ sempliċement għax ċerti politiċi Ungeriżi ddeċidew li jiżfnu għad-daqqa li ġejja minn post imbiegħed ferm, forsi l-Kremlin.

Stħarriġ reċenti fl-Ungerija għadu juri li kważi 68-70%tal-popolazzjoni tal-età tal-vot jappoġġaw u jgawdu l-benefiċċji marbuta mal-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej. Il-mistoqsija l-kbira hija jekk humiex lesti li jivvutaw f’numri kbar fid-9 ta’ Ġunju 2024. Fl-Ungerija, din il-votazzjoni se ssir fl-istess jum tal-elezzjonijiet muniċipali u, fid-dawl tal-iskuntentizza li qed tikber fil-pajjiż, il-prospetti mhumiex ħżiena. Vot ta’ protesta kontra l-politiki tal-gvern se jfisser ukoll vot favur l-Ewropa.

Mihály Hardy huwa ġurnalista Ungeriż, Kap Editur ta’ Klubrádió