mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Kmieni dan ix-xahar, il-Grupp tal-Ħaddiema kellu laqgħa biex jiddiskuti kwistjoni ewlenija għall-moviment tat-trade union – id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol. Huwa kruċjali li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jiġu infurmati u kkonsultati meta jkunu se jittieħdu deċiżjonijiet fi ħdan kumpanija. Il-konsultazzjoni tippromovi pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema, u dan iwassal għal żieda fil-produttività u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol. Fil-fatt, in-negozji li jappoġġjaw id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol jiksbu riżultati ħafna aħjar u huma aktar innovattivi. It-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali li għaddejjin bħalissa enfasizzaw il-ħtieġa urġenti li jinħoloq qafas leġiżlattiv b’saħħtu li jappoġġja d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol.

Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE, laqa’ lill-parteċipanti u ddeskriva fil-qosor l-impatt li l-pandemija globali u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ħallew fuq l-ekonomija Ewropea L-avveniment imbagħad infetaħ minn Aurelio Fernández López, membru tar-rappreżentanza permanenti Spanjola għall-UE, li assigura lill-udjenza li d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol se tkun prijorità ewlenija għall-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Rolf Schmachtenberg, Segretarju tal-Istat fil-Ministeru Federali Ġermaniż għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, għamel id-diskors ewlieni. Huwa spjega kif il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u d-determinazzjoni konġunta huma l-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ġermanja.

It-tieni panel tal-ġurnata kien dwar ir-rwol tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol sabiex jiġu difiżi l-istandards tax-xogħol fil-ktajjen tal-provvista. Il-membru tal-Grupp tal-Ħaddiema Maria del Carmen Barrera Chamorro siltet mill-Opinjoni tagħha dwar xogħol deċenti madwar id-dinja, li ġiet adottata reċentement. Filwaqt li tappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, hija rrimarkat li l-proposti attwali jeskludu l-parteċipazzjoni tat-trade unions u tal-kunsilli tax-xogħol.

F’sommarju tad-dibattitu, Oliver Röpke qal li d-diskussjoni ta’ wara nofsinhar tgħin il-ħidma li għaddejja bħalissa tal-KESE dwar il-kwistjoni tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, suġġett li għandu jiġi indirizzat minn trade unions Ewropej li jaħdmu flimkien u jgħaqqdu l-isforzi tagħhom.