European Economic
and Social Committee
Il-kompetittività sostenibbli: perspettiva tal-ħaddiema
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Il-kompetittività sostenibbli forsi qisha l-aħħar buzzword minn Brussell. Madankollu, dan huwa assolutament ’il bogħod mill-verità. Il-kompetittività ġeneralment titqies bħala l-inizjattiva ewlenija tal-impjegaturi, li jappellaw għal ambjenti tan-negozju favorevoli fejn il-kumpaniji jistgħu jirnexxu. M’hemmx għalfejn ngħidu, il-prosperità tal-kumpaniji hija għan kondiviż ħafna mill-ħaddiema.
Allura f’hiex tidħol il-parti sostenibbli? Vantaġġ kompetittiv jista’ jinkiseb b’ħafna modi differenti. Kumpanija tista’ tkun aktar effiċjenti, tista’ tkun innovattiva fil-metodi ta’ produzzjoni tagħha, tgħin fl-iżvilupp ta’ teknoloġija aħjar, tħarreġ u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-persunal. Jew, tista’ tkisser il-kompetituri tagħha billi tisfrutta l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, tniġġes l-ambjent jew issib modi kif tħallas inqas lill-impjegati tagħha – forsi smajt bl-ekonomija tal-pjattaforma.
Il-kompetittività sostenibbli għalhekk hija prijorità ewlenija għall-ħaddiema u ċ-ċittadini b’mod ġenerali: din tiżgura li l-kompetittività tkun proċess li jtejjeb is-soċjetà, aktar milli ġirja lejn l-aktar livell baxx. Fuq perjodu twil ta’ żmien, din hija l-aħjar soluzzjoni għal kulħadd, peress li s’issa, kulħadd għandu bżonn pjanetà. U huwa fl-interess tal-impjegaturi wkoll: mhux biss tgħinhom ikollhom stabilità ambjentali u soċjali, iżda tħeġġeġ ukoll kompetizzjoni ġusta u tirrispetta x-xogħol ta’ kumpaniji onesti.