Il-KESE kkritika bil-qawwa lill-UE talli naqset milli tiżgura appoġġ u finanzjament adatti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

F’dibattitu mal-President ta’ Civil Society Europe, Gabriella Civico, li sar matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-21 ta’ Settembru, il-KESE wissa dwar is-sitwazzjoni mwiegħra għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, li kulma jmur huma soġġetti għal firxa ta’ pressjonijiet, minn restrizzjonijiet finanzjarji sa kampanji ta’ malafama u attakki mmirati lejn il-ħidma u l-kredibbiltà tagħhom minn diversi atturi.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq l-aktar kwistjonijiet soċjali u politiċi diffiċli, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza u dawk li jippromovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, għandhom it-tendenza li jkollhom l-aktar problemi serji ta’ finanzjament u dan qed jipperikola serjament il-missjoni kritika tagħhom li jżommu responsabbli lil dawk fil-poter u li jippreservaw id-demokrazija fl-Ewropa.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar L-appoġġ u l-finanzjament tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja, il-KESE qal li jeħtieġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata immedjatament.

Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit strument finanzjarju dedikat speċifikament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fl-UE. Għanda tiġi stabbilita wkoll pjattaforma simili għall-Mekkaniżmu tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal dawk li jaħdmu f’dan il-qasam fl-Istati Membri tal-UE.

Trid issir enfasi speċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati u l-introjtu baxx tal-persuni impjegati fis-settur tas-soċjetà ċivili, li sikwit jaħdmu f’kundizzjonijiet stressanti ħafna, li huwa ta’ riskju enormi għas-saħħa mentali tagħhom.

“Fi żmien meta d-demokrazija tinsab fi kriżi, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom responsabbiltà kbira. Neħtieġu aktar minn intenzjonijiet tajbin biss. Neħtieġu azzjonijiet konkreti li jgħinu biex tiġi żviluppata s-soċjetà ċivili Ewropea, anke fil-pajjiżi kandidati,” qal ir-relatur tal-Opinjoni Cristian Pîrvulescu.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, ħabbar li, f’konformità mad-deċiżjoni reċenti tiegħu li jintegra lill-membri kandidati tat-tkabbir f’ħidmietu, il-KESE issa se jimmonitorja l-iżviluppi li jolqtu lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE. Biex jagħmel dan, beħsiebu jestendi l-mandat tal-Grupp Ad Hoc dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt (DFID) – li mill-2018 ’il hawn wettaq bosta missjonijiet fl-Istati Membri biex jiċċekkja s-sitwazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – biex ikopri wkoll il-pajjiżi kandidati tal-UE.

“Ma nistgħux nippermettu li d-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija jiefqu mal-fruntiera tal-UE!”, qal is-Sur Röpke. (ll)