European Economic
and Social Committee
Il-KESE jappella għal Pjan ta’ Azzjoni tal-UE biex jiġu żgurati ktajjen tal-provvista globali ġusti u sostenibbli
Il-kriżi tal-COVID-19 li għadha għaddejja uriet il-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista globali. Din kixfet ukoll il-vulnerabbiltà tal-ħaddiema u l-impatti negattivi soċjali, tas-saħħa u tas-sikurezza tal-operazzjonijiet tan-negozju fil-ktajjen tal-provvista tal-lum. F’mument kruċjali għal azzjoni politika u teħid ta’ deċiżjonijiet konkreti, il-Presidenza Ġermaniża tal-UE u l-Parlament Ewropew talbu lill-KESE għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. F’żewġ opinjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Settembru, huwa jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni Ewropew u tressaq obbligi ta’ diliġenza dovuta obbligatorji fil-ktajjen tal-provvista globali.
F’opinjoni esploratorja, il-KESE jappella għal Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol deċenti u s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali, b’leġiżlazzjoni vinkolanti transsettorjali tal-UE dwar diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u kondotta kummerċjali responsabbli fuq quddiem nett. Definizzjoni wiesgħa għandha tkopri d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions, u tibni fuq firxa ta’ strumenti internazzjonali.
B’mod parallel mal-ħidma tiegħu fuq il-Pjan ta ’Azzjoni, il-KESE ilu jipprovdi l-parir tiegħu lill-Parlament Ewropew dwar inizjattiva legali Ewropea li tintroduċi diliġenza dovuta obbligatorja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali fil-prattiki kummerċjali. L-inizjattiva, imħabbra mill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders f’April 2020 u mistennija fl-2021, se tagħmilha legalment vinkolanti għall-kumpaniji li joperaw fl-UE biex jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jqisu l-impatti negattivi tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema u fuq l-ambjent. (dgf)