Il-KESE jappoġġja b’mod wiesa’ l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-2021-2025 kontra t-traffikar tal-bnedmin, iżda jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li tiġi inkorporata d-dimensjoni soċjali f’din il-politika.

F’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-vittmi u d-dimensjoni soċjali, l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-ġlieda biex jitrażżan it-traffikar tonqos milli tilħaq l-għanijiet meħtieġa. Il-KESE jemmen li s-sitwazzjoni tal-vittmi mhijiex ittrattata sistematikament b’mod umanistiku tul l-istrateġija kollha.

Kif qal Carlos Manuel Trindade, ir-relatur tal-KESE:“It-traffikar tal-bnedmin iwassal għal tbatija kbira fost il-vittmi: hija attakk fuq id-dinjità. Għaldaqstant, id-dimensjoni soċjali trid titqies sew f’din il-ġlieda.”

Minħabba l-fatt li kemm il-profitti kif ukoll il-vittmi qed jiżdiedu, il-KESE jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li d-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin trid tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha, u r-rieżami tagħha għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni approfondita tal-limitazzjonijiet u l-iżviluppi identifikati fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu s-sanzjonijiet u japprova l-istabbiliment ta’ standards minimi fil-livell tal-UE li jikkriminalizzaw in-networks involuti fil-proċess kollu tat-traffikar u tal-isfruttar tal-bnedmin.

Titqies id-dimensjoni soċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija

Il-pjan jonqos kompletament milli jipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-drittijiet tal-vittmi, li għandhom ikunu ta’ tħassib ewlieni fl-affermazzjoni tad-dinjità u d-drittijiet tal-bnedmin. Il-vittmi għandhom jingħataw id-dritt għall-integrazzjoni fis-soċjetà ospitanti permezz ta’ proċess ta’ integrazzjoni adegwat u rapidu.

L-Opinjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali dinjitużi u suffiċjenti għall-popolazzjonijiet fil-pajjiżi ta’ oriġini, il-fattur ewlieni biex jitwaqqaq jew jiġi evitat ir-reklutaġġ ta’ vittmi għat-traffikar tal-bnedmin.

Fl-aħħarnett, l-istrateġija l-ġdida għandha tirrikonoxxi l-appoġġ sinfikanti mogħti min-networks ta’ solidarjetà tal-komunità għall-protezzjoni, l-ilqugħ u l-integrazzjoni tal-vittmi u l-ħidma mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. (at)