It-trawwim tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi għandu jkun prijorità fil-kooperazzjoni regolatorja globali permezz ta’ skema mġedda ta’ kummerċ multilaterali, qal il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f’Opinjoni mibdija minn Georgi Stoev u Thomas Student u adottata mill-plenarja tal-KESE f’Lulju.

Sitwazzjonijiet ta’ tfixkil bħall-coronavirus (COVID-19) jheddu li jwaqqfu ħesrem l-ekonomija globali u l-ħajja soċjali. L-impatti tagħhom jistgħu jinkludu riċessjonijiet fl-Istati Uniti, fl-UE, fil-Ġappun u f’reġjuni oħrajn tad-dinja, tkabbir bil-mod ħafna fiċ-Ċina u telf kbir f’termini ta’ produzzjoni. Il-gvernijiet għandhom jikkumpensaw għall-ħsara ekonomika b’politiki fiskali u monetarji u jindirizzaw il-bidliet mistennija fil-paradigma ekonomika.

“L-iżvilupp industrijali fl-Ewropa ma jistax jispiċċa vittma ta’ dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali xejn ġust. Dan jista’ jsir theddida reali għall-industriji Ewropej u l-mudell soċjali Ewropew,"qal ir-relatur tal-Opinjoni, Georgi Stoev. “Aħna ninsabu mħassba dwar in-negattività fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali u l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-populiżmu. Il-protezzjoniżmu u n-nazzjonaliżmu ma jistgħux jipprovdu soluzzjonijiet għal problemi ekonomiċi u soċjali,” temm jgħid.

“L-Ewropa teħtieġ b’mod urġenti proġett ġdid għall-integrazzjoni interna: strateġija ekonomika, soċjali (inkluża l-koordinazzjoni tas-saħħa pubblika), fiskali, tal-enerġija u ambjentali komuni u politika kummerċjali koerenti,” qal il-korelatur, Thomas Student. Il-KESE jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu jintegra l-istrateġija industrijali ġdida u l-politika kummerċjali flimkien mal-politika ekonomika, regolatorja u tal-kompetizzjoni fi sforz komprensiv biex jiġi megħjun l-ambjent, mingħajr ma tinħoloq theddida għas-suq uniku u l-kumpaniji u l-impjiegi Ewropej, u għandu jistabbilixxi miri ambjentali għolja għall-industrija kollha kemm hi. (ks )