Hekk kif qed nikteb dan, il-kaxxa postali tagħna diġà qed timtela bl-applikazzjonijiet għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2022, li nedejna fil-bidu ta’ Ġunju. Bħal kull sena, qed infittxu l-aktar proġetti kreattivi u eċċellenti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-individwi, dawk li dejjem jimlew qalbna bi kburija għall-ħidma fantastika li s-soċjetà ċivili twettaq fuq il-post madwar l-Ewropa.

Madankollu, din is-sena hija speċjali. Għall-ewwel darba, għażilna żewġ temi għall-premju tagħna, minflok il-wieħed tas-soltu: iż-żgħażagħ u l-Ukrajna. Dan ifisser li se nkunu qed infittxu żewġ settijiet ta’ rebbieħa, tlieta f’kull kategorija.

Peress li l-2022 hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, fil-bidu ddeċidejna li nonoraw proġetti li jsaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ. Bil-premju tagħna, irridu nuru l-ħtieġa urġenti li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jsiru ċittadini attivi u jinvolvu ruħhom b’mod deċiżiv fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-futur tagħna, u speċjalment tagħhom. 

Iżda hekk kif ir-Russja fetħet attakk qalil fuq l-Ukrajna u qed tikkawża tbatija umana li twaħħax, bdew jaslu l-aħbarijiet dwar l-isforzi altruwistiċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini Ewropej li mmobilizzaw ruħhom mil-lum għall-għada biex jgħinu lill-ġirien tal-Ewropa.

Dan hija r-raġuni għaliex iddeċidejna li niftħu l-premju tagħna għal proġetti li jgħinu liċ-ċivili Ukreni milqutin mill-gwerra. Se nkunu qed infittxu rebbieħa minn fost dawk li qed jipprovdu għajnuna umanitarja fuq il-post, dawk li qed jagħtu kenn, dawk li qed jgħinu fl-integrazzjoni tal-Ukreni fis-swieq tax-xogħol, l-iskejjel u s-soċjetà Ewropej, u dawk kollha li kienu u għadhom hemm għal persuni li qed jiffaċċjaw il-ħruxija u l-aggressjoni, fiż-żmien meta l-aktar għandhom bżonn għajnuna.

Għalhekk jekk qed tmexxi proġett li għandu l-għan li joħloq futur aħjar għaż-żgħażagħ jew jekk qed tipprova tgħin lill-Ukreni bi kwalunkwe mod – refuġjati li diġà jinsabu fl-UE jew dawk li baqgħu fil-pajjiż mifni bil-gwerra tagħhom – ibgħatilna l-applikazzjoni tiegħek malajr. Barra minn hekk, jekk taf b’persuni li jwettqu ħidma eċċellenti fuq waħda minn dawn iż-żewġ temi, xerred il-kelma! Ħaffef, għax iż-żmien għaddej: l-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija l-31 ta’ Lulju.

Nittamaw li nirċievu ħafna proġetti kreattivi u siewja. Dan se jkun iċ-ċans tagħna li nagħtu ġieħ lil dawk kollha li qed jistinkaw biex jagħmlu l-Ewropa aħjar għaż-żgħażagħ u flimkien magħhom, kif ukoll biex kulħadd juri kuraġġ, umanità u solidarjetà quddiem il-ħażen.

Cillian Lohan
Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni