European Economic
and Social Committee
Editorjal
PREMJU GĦAS-SOLIDARJETÀ ĊIVILI – PREMJU GĦALL-AĦJAR FOSTNA
Għeżież qarrejja,
Reġa’ wasal iż-żmien, f’dan il-perjodu tas-sena l-KESE għandu jniedi l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili, bil-għan li jippremja proġetti eċċezzjonali tas-soċjetà ċivili u ta’ individwi li jippromovu l-valuri komuni Ewropej tagħna u jsaħħu l-identità Ewropea tagħna. Kull sena nagħżlu tema importanti għall-premju u niċċelebraw il-kisbiet tas-soċjetà ċivili f’qasam partikolari. Fl-2019, ippremjajna r-rebbieħa tal-11-il edizzjoni tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili li kienet iddedikata għall-promoturi tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Madankollu, l-2020 mhijiex sena normali u ddeċidejna li jeħtieġ li jingħata premju straordinarju. Is-sena 2020 se titniżżel fl-istorja bħala wieħed mill-aktar perjodu ta’ sfida fil-passat reċenti tagħna. Meta t-tifqigħa tal-COVID-19 faqqgħet fl-Ewropa, sabitna mhux imħejjija u għaldaqstant l-imxija għamlet ħerba fuq diversi livelli. It-tifqigħa ħasdet il-mewt ta’ eluf jew affettwat b’mod serju s-saħħa tagħhom, hija mbuttat lis-sistemi tas-saħħa f’xifer il-kollass. Il-pajjiżi kellhom jimponu lockdowns, li kienu ta’ daqqa ta’ ħarta għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom. Eluf ta’ Ewropej sfaw qiegħda u ħafna oħrajn jistgħu jitilfu xogħolhom, bil-konsegwenza li bosta jistgħu jesperjenzaw privazzjoni materjali jew saħansitra faqar. Bosta kumpaniji, speċjalment dawk żgħar u ta’ daqs medju kellhom jagħlqu biebhom minħabba waqfien impost b’mod globali. Bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jaraw li l-ispazju tagħhom qiegħed jonqos aktar minħabba l-kwarantina u l-miżuri ta’ tbegħid jew qegħdin isibuha diffiċli biex jibqgħu għaddejjin peress li raw, jew se jesperjenzaw, tnaqqis finanzjarju.
Bħal kull sfida diffiċli, il-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-coronavirus ma ħarġitx biss il-ħażin, iżda wkoll it-tajjeb tan-nies. Ħafna individwi u organizzazzjonijiet immobilizzaw sabiex jgħinu lil dawk l-aktar milquta mill-kriżi jew għamlu sforzi kbar biex jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fostna. Oħrajn nedew diversi proġetti mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-pandemija. Ilkoll urew li s-solidarjetà hija fundamentali sabiex tingħeleb il-kriżi li ħakmet l-Ewropa fuq skala bla preċedent mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Mill-bidu tal-pandemija, il-KESE ffoka l-attivitajiet kollha tiegħu fuq il-COVID-19 u biex jinstabu modi biex jingħelbu l-effetti devastanti tagħha. Minbarra l-ħidma tagħhom fil-Kumitat tagħna, il-membri tal-KESE wettqu inizjattivi fuq il-post permezz tal-organizzazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Sabiex nuru l-impenn tagħna għall-indirizzar tal-kriżi tal-coronavirus, ħloqna taqsima speċjali fuq is-sit web tagħna "Civil Society Against COVID-19” (Is-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-COVID-19), li tiġbor flimkien aktar minn 50 storja tas-soċjetà ċivili.
Għaldaqstant, il-fatt li qegħdin niddedikaw il-premju annwali ewlieni tagħna għall-ġlieda kontra l-coronavirus m’għandhiex tkun ta’ sorpriża. Saħansitra biddilna isem il-premju għal dan l-għan, u kburija ngħid li fl-2020 se nniedu verżjoni speċjali unika fl-istorja tal-premju tagħna – il-Premju għas-Solidarjetà Ċivili. Permezz ta’ dan il-premju, irridu nenfasizzaw l-impenn, ir-rieda li naġixxu u l-ħidma mwettqa mis-soċjetà ċivili tal-Ewropa u ħafna individwi kontra t-tifqigħa tal-coronavirus u l-konsegwenzi tagħha. Irridu nenfasizzaw is-solidarjetà bla preċedent li bosta wrew matul dawn iż-żminijiet diffiċli, irridu nonoraw il-qlubija tan-nies u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-azzjonijiet tagħhom u s-sens kbir ta’ responsabbiltà tagħhom.
Il-Premju għas-Solidarjetà Ċivili se jingħata lill-proġetti mingħajr skop ta’ qligħ li wettqu l-individwi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kumpaniji fit-territorju tal-UE u tar-Renju Unit. Minflok jintgħażlu ħames rebbieħa kif is-soltu jsir, din is-sena ddeċidejna li nippremjaw 29 rebbieħ – wieħed minn kull Stat Membru, wieħed mir-Renju Unit u wieħed b’fokus transkonfinali jew Ewropew. Minkejja l-fatt li r-Renju Unit ħareġ mill-UE, ma xtaqniex inħallu ex Stat Membru barra mill-konkors. B’dan il-ġest, il-KESE jixtieq juri li mhux beħsiebu jaqta’ l-kuntatt minn mas-soċjetà ċivili tar-Renju Unit – għall-kuntrarju ta’ dan – huwa ħerqan li jżomm rapporti mill-qrib.
Permezz ta’ dan il-premju ninsabu konvinti li se noħolqu stampa l-ġmiel tagħha ta’ dak kollu li wettqet is-soċjetà ċivili matul dawn ix-xhur twal.
Aħna lkoll involuti f'din l-isfida. Ejjew nibqgħu maqgħuda, nuru solidarjetà, ġenerożità u responsabbiltà. Dawn huma l-kwalitajiet li se nkunu qegħdin infittxu fir-rebbieħa prospettivi tal-premju uniku tagħna.
Isabel Cano Aguilar
Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni