Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Opinjoni dwar l-impatt tal-metavers fuq is-soċjetà. L-Opinjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-UE tindirizza malajr l-opportunitajiet u r-riskji assoċjati mal-metavers biex tiżgura ambjent virtwali inklużiv u sikur.

Il-metavers diġà wera l-potenzjal tiegħu biex joffri soluzzjonijiet kosteffettivi, produzzjoni aktar mgħaġġla, kwalità msaħħa, tnaqqis ta’ riskji u effiċjenza mtejba. Joffri wkoll it-tama li jiġu mitigati l-impatti ambjentali billi jippermetti x-xogħol mill-bogħod u jnaqqas il-ħtieġa għal vjaġġar fiżiku u emissjonijiet tal-karbonju.

Ir-relatur tal-KESE għal-Opinjoni, Martin Böhme, enfasizza li “il-metavers u dinjiet virtwali ser ikollhom impatt sostanzjali fuq ħajjitna. Iġibu magħhom opportunitajiet, iżda wkoll perikli potenzjali li rridu nantiċipaw.”

Dinjiet virtwali joħolqu diversi riskji, speċjalment għat-tfal u gruppi vulnerabbli. Il-Kumitat jappella lill-operaturi tal-pjattaformi biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kontroll stretti biex jiffiltraw u jneħħu kontenut dannuż u salvagwardji għall-prevenzjoni tal-fastidju, l-abbuż u l-imġiba ta’ sfruttament. Tħassib dwar dipendenza, privatezza u s-saħħa mentali huma nnotati wkoll fost l-utenti.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti jaf mhijiex biżżejjed biex tirregola dinjiet virtwali. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw li l-metavers jirrispetta l-leġiżlazzjoni tad-dinja reali, it-tassazzjoni u jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu permezz ta’ miżuri ġodda.

L-Opinjoni tirrimarka li l-metavers industrijali għandu potenzjal sinifikanti għall-kumpaniji Ewropej li qed ifittxu li jottimizzaw l-operazzjonijiet tagħhom, jiġbru d-data u jtejbu l-prestazzjoni. Sfidi industrijali jinkludu l-ħtieġa għal aċċettazzjoni akbar ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda, it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u l-iżgurar ta’ esperjenzi etiċi u sikuri.

“Il-bini ta’ metaversi għan-negozju jesiġi tipi ta’ kompetenzi partikolari, u l-Ewropa trid tistinka biex issir għal darb’ oħra komunità li tilqa’ lir-riċerkaturi u tħeġġiġhom ikunu fl-avangwardja,” qal il-korelatur tal-KESE, Hervé Jeannin.

Opinjoni oħra dwar il-metavers bħalissa qed titħejja mill-KESE biex tiġi adottata fit-tieni sitt xhur tas-sena. (gb)