European Economic
and Social Committee
It-tieni mandat ta’ Macron bħala President ta’ Franza jrid jiffoka fuq il-mobilità soċjali ’l fuq
mill-pinna ta’ Arnold Puech d’Alissac, Viċi President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Meta ġie elett l-ewwel darba bħala President ta’ Franza fl-2017, Emmanuel Macron mill-ewwel sar kapurjun li mexxa kampanja favur iċ-ċentriżmu radikali Iżda din id-darba, meta jitqiesu l-ġeopolitika u s-sitwazzjoni nazzjonali attwali, huwa mexxa kampanja mhux fuq l-aspirazzjonijiet tiegħu għaċ-ċentru radikali, iżda fuq ir-rekord tiegħu bħala riformatur ġenwien, fuq il-viżjoni tiegħu għall-affarijiet dinjin, u bħala mexxej li ta spinta ġdida lill-politika Franċiża. Ir-riżultati finali tal-elezzjonijiet, madankollu, juru pajjiż maqsum u frammentat b’mod ċar, ħafna aktar milli fl-2017.
Kif nistgħu nerġgħu nagħtu t-tama liċ-ċittadini Franċiżi u niżguraw li darb’oħra ma narawx lil xi ħadd bħal Marine Le Pen li tippretendi saħansitra aktar li tirrappreżenta liċ-ċentru tal-ispettru politiku? It-tweġiba hija sempliċi: mobilità soċjali ’l fuq. Macron għandu jiffoka fuq dawk li mhumiex privileġġjati u jagħtihom prospetti ġenwini biex jitilgħu s-sellum ekonomiku u soċjali.
Ser ikollna t-tielet ċiklu ta’ votazzjonijiet – l-elezzjonijiet leġiżlattivi – li ser isiru f’Ġunju. Is-sistema, kif inhi stabbilita, dejjem tat riżultati pożittivi għall-presidenti, u xejn ma jien inkwetat għal Macron: se jkun hemm maġġoranza b’saħħitha għax m’hemmx biżżejjed oppożizzjoni koeżiva mix-xellug jew il-lemin.
U jekk il-Les Républicains iridu jsalvaw lilhom infushom, se jkollhom jagħmlu l-affarijiet kemxejn differenti, partikolarment fir-rigward tal-kwistjonijiet prinċipali li laqtu lil Franza, id-defiċit, u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dak kieku jwitti t-triq għall-prosperità u t-tama.
Pajjiżna għandu bżonn ta’ riformi, speċjalment fir-rigward tal-pensjonijiet, fejn is-sistema hija mgħarrqa b’inugwaljanzi profondi bejn is-settur pubbliku u dak privat. L-affarijiet huma staġnati hawnhekk. U jekk tħares lejn dak kollu li għamel il-President Macron matul dawn l-aħħar ħames snin, hemm ħafna riformi li ma kienx kapaċi jimplimenta. Test kbir tat-tieni mandat tiegħu se jkunu r-riformi li se jkun kapaċi jwettaq.
Ir-riformi se jkunu diffiċli ħafna. Ninsabu marbutin mill-qrib mal-UE u r-reviżjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tista’ tgħinna nibdlu l-affarijiet. Fir-rigward tal-Ewropa, naħseb li Macron huwa alleat tajjeb u se jkompli jsegwi dik it-triq. Fl-aħħar, qiegħed jikkonforma mal-proposta tal-Gvern Ġermaniż billi jaħtar żewġ ministri li se jkunu responsabbli mit-tranżizzjoni ambjentali.
It-triq ’l quddiem għal Macron hija miksija b’ostakli u sfidi, iżda peress li dan huwa t-tieni mandat tiegħu, nisperaw li tgħallem mil-lezzjonijiet tal-ewwel mandat.