European Economic
and Social Committee
Il-KESE jenfasizza l-partijiet neqsin fil-proposti tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-kumpaniji fittizji
Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jiġi miġġieled l-użu ħażin tal-kumpaniji fittizji u tiġi stabbilita tassazzjoni korporattiva minima effettiva, iżda jixtieq li dawn jissaħħu. F’żewġ Opinjonijiet adottati fil-plenarja tiegħu ta’ Marzu, il-KESE indika nuqqasijiet possibbli u ssuġġerixxa żidiet importanti.
L-iżgurar ta’ tassazzjoni effettiva u ġusta fis-suq uniku kollu huwa kruċjali sabiex jiġi stimulat irkupru ġenwin wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-iffinanzjar tat-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Fiż-żewġ Opinjonijiet, il-KESE laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi miġġieled l-użu tal-kumpaniji fittizji għall-evitar tat-tassazzjoni u tiġi introdotta tassazzjoni effettiva minima tal-kumpaniji, iżda indika lakuni possibbli u ssuġġerixxa miżuri addizzjonali ewlenin.
Benjamin Rizzo, relatur tal-Opinjoni dwar il-ġlieda kontra l-użu ta’ entitajiet fittizji qal: “Il-kumpaniji fittizji li ġew stabbiliti fl-Istati Membri jeħtieġ li jinġiebu f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni, u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri hija aktar prijoritarja minn qatt qabel biex jiġi evitat it-tnaqqis tas-setgħat fiskali tal-UE.”
Javier Doz Orrit, il-korelatur tal-Opinjoni, qal: “Jekk id-Direttiva kontra l-kumpaniji fittizji tikkomplementa l-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni kontra l-ħasil tal-flus, regola kontra “abilitanti professjonali” li jimmaniġġjaw kumpaniji fittizji għandha tikkomplementaha aktar”.
Krister Andersson, ir-relatur tal-Opinjoni dwar tassazzjoni minima effettiva tal-kumpaniji, qal: “L-OECD hija mistennija tippreżenta regoli importanti dwar portijiet sikuri, preżentazzjoni semplifikata ta’ dokumenti amministrattivi u punti importanti oħrajn. Anke dawn ir-regoli għandhom jiġu inklużi fid-Direttiva. Huwa essenzjali li l-leġiżlazzjoni tiġi trasposta b’mod uniformi fl-UE u tiġi applikata bl-istess mod, u fuq livell globali.”
Petru Sorin Dandea, korelatur tal-Opinjoni, qal: “il-KESE kien japprezza li kieku saret valutazzjoni tal-impatt tal-partijiet tad-Direttiva li jagħmluha konformi mad-dritt tal-Unjoni. Nappellaw sabiex issir din l-analiżi u li tkun disponibbli għall-pubbliku.” (tk)