Stqarrija mill-President tal-KESE Christa Schweng dwar it-tnedija tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Fil-jum tat-tnedija tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, inħeġġeġ liċ-ċittadini jieħdu sehem f’din l-inizjattiva storika. Nappella wkoll lil dawk li jfasslu l-politika biex jiżguraw li jagħmlu l-aħjar użu minn dak li n-nies għandhom x’jgħidu.

Il-Konferenza hija eżerċizzju uniku ta’ demokrazija parteċipattiva. Sabiex tirnexxi, hija trid tiffoka fuq impenn minn isfel għal fuq. Jeħtiġilna nilħqu lin-nies fit-toroq f’kull rokna tal-UE u nisimgħu dak li għandhom x’jgħidu. Jeħtiġilna ninvolvu ruħna bl-istess mod ma’ dawk li diġà huma konvinti mill-proġett Ewropew, kif ukoll ma’ dawk li mhumiex daqstant konvinti dwar l-UE.

Madankollu, li nisimgħu lin-nies huwa biss l-ewwel pass. L-ideat espressi fl-avvenimenti tal-Konferenza għandhom jirriżultaw f’rakkomandazzjonijiet għal azzjoni tal-UE. Jiena nippreferi approċċ realistiku fir-rigward tal-portata tad-diskussjoni. Huwa aħjar jekk naslu għal konklużjonijiet inqas ambizzjużi li huma aċċettabbli għal kulħadd milli nidħlu f’diskussjonijiet filosofiċi ta’ livell għoli li ma jwasslu għal ebda ċans ta’ qbil.

Barra minn hekk, il-progress irid jitkejjel. Jiena favur li “dashboard” fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwu l-miżuri li jitnisslu mill-Konferenza. Jeħtieġ li n-nies ikunu jistgħu jiksbu stampa ċara tas-sitwazzjoni, u għalhekk, jeħtieġ li jkollhom aċċess għal skeda ta’ żmien biex isegwu t-temi li huma taw kontribut dwarhom. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jispjegaw ir-raġuni għala qegħdin isegwu, jew mhux qed isegwu, ċerti proposti.

Il-futur tal-Ewropa jeżiġi l-ħolqien ta’ narrattiva pożittiva ġdida. Jeħtieġ nuru li l-Ewropa hija post mill-aqwa fejn persuna tgħix u tirnexxi – post li joffri l-opportunitajiet lil kulħadd, ħalli kulħadd jgħix il-ħajja li jrid, abbażi ta’ valuri komuni. In-nies fl-Istati Uniti huma kburin bil-ħolma Amerikana tagħhom; jiena nemmen li issa huwa ż-żmien li l-Ewropej fl-aħħar jibdew igawdu u japprezzaw l-istil ta’ ħajja tagħhom u l-benefiċċji li l-Ewropa toffri.

Il-KESE se jibqa’ jikkontribwixxi b’mod attiv għall-Konferenza – permezz tal-avvenimenti tagħna u billi nimmobilizzaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa. Nittamaw li leħinna jinstema’ b’saħħtu u ċar. Jekk verament irridu nwasslu l-proġett Ewropew lura għaċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili għandha tkun fuq quddiem.