Fil-plenarja tiegħu ta’ Marzu, il-KESE adotta Opinjoni li tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jindirizzaw l-implimentazzjoni frammentata tas-sanzjonijiet tal-politika estera fl-Istati Membri kollha. Il-KESE huwa mħasseb dwar dawn l-inkonsistenzi u jappella għal azzjoni immedjata biex tiġi offruta għajnuna umanitarja u jiġu protetti l-ġurnalisti fil-pajjiżi sanzjonati.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi s-sanzjonijiet tal-politika estera għall-Istati Membri kollha. Madankollu, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom bħalissa huma deċentralizzati. Dan irriżulta f’taħlita kbira ta’ definizzjonijiet, kampijiet ta’ applikazzjoni, penali u kapaċitajiet investigattivi fl-Istati Membri. Il-frammentazzjoni ddgħajjef l-effettività tas-sanzjonijiet tal-UE u tirriskja li taqsam l-Unjoni, b’xi pajjiżi aktar laxki fuq il-ksur tas-sanzjonijiet minn oħrajn. Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet direttiva biex tistandardizza r-reati kriminali u l-pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE.

Permezz tal-Opinjoni tiegħu dwar il-ksur tas-sanzjonijiet / ir-reati fl-UE, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jespandu l-konċessjoni umanitarja bil-għan li jiġu evitati kwalunkwe konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati fuq l-għajnuna u l-assistenza umanitarja. “Irridu nipproteġu t-twassil tal-għajnuna umanitarja lill-persuni fil-bżonn li jgħixu f’pajjiżi sanzjonati,” spjega l-membru tal-KESE José Antonio Moreno Díaz, relatur tal-Opinjoni. “Nitolbu eżenzjoni umanitarja permanenti sabiex jiġi żgurat li l-persunal li jaħdem fil-qasam umanitarju jkun jista’ jaħdem mingħajr ma jirriskja r-responsabbiltà kriminali”.

Il-Kumitat enfasizza l-bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni adegwata u appoġġ proattiv lis-settur privat u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex ikunu jistgħu jaġġustaw għal leġiżlazzjoni ġdida u jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ miżuri ta’ sanzjoni. L-Istati Membri jridu jkunu attrezzati b’biżżejjed kapaċitajiet amministrattivi, fondi, u persunal imħarreġ biex jidentifikaw, iħarrku u jikkastigaw ksur ta’ sanzjonijiet. (gb)