European Economic
and Social Committee
Rispons politiku, ekonomiku u strateġiku għall-gwerra fl-Ukrajna
Minn Cinzia del Rio, membru tal-KESE, l-Italja
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna se tibdel ir-relazzjonijiet ġeopolitiċi u ekonomiċi fid-dinja, u ċertament bejn ir-Russja u l-UE. L-intervent militari xokkanti, li qed jikkawża vittmi fost il-popolazzjoni ċivili u l-qerda tal-bliet u l-istrutturi ċivili u ekonomiċi tal-pajjiż, ġie kkundannat b’konvinzjoni u bil-qawwa mill-komunità internazzjonali demokratika u l-moviment tat-trade unions.
Esprimejna l-appoġġ sħiħ tagħna għall-poplu Ukren, organizzajna dimostrazzjonijiet kontra Putin u l-gwerra mhux provokata tiegħu u aħna nappoġġjaw l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi severi kontra r-Russja, li għandhom jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim. Wara xahar u nofs, l-atroċitajiet qed jissoktaw, il-kurituri umanitarji huma diffiċli, miljuni ta’ persuni Ukreni telqu mill-pajjiż biex ifittxu kenn fil-pajjiżi tal-UE, ħafna aktar huma spostati fl-Ukrajna u n-negozjati dwar il-waqfien mill-ġlied u l-proċess ta’ paċi għadhom lura.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-NGOs fl-UE, u b’mod partikolari fil-pajjiżi li jmissu mal-Ukrajna, urew is-solidarjetà inkondizzjonata tagħhom, billi pprovdew lir-refuġjati b’għajnuna immedjata, kura medika, kenn, ikel, ħwejjeġ u mediċina. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja kienet fundamentali biex tiggarantilhom il-protezzjoni u d-drittijiet fl-UE, u biex tgħinhom jindirizzaw l-emerġenza u jintegraw fis-soċjetajiet tagħna kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, irridu nżommu f’moħħna li 80% tar-refuġjati huma nisa u tfal, li qed jesperjenzaw għall-ewwel darba l-moħqrija u l-vjolenza tal-gwerra, b’konsegwenzi psikoloġiċi li jimmarkawhom għal dejjem. L-UE trid tkun viġilanti biex tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn il-gruppi vulnerabbli u tindirizza r-riskju tat-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali wkoll.
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna kkonsolidat l-identità nazzjonali tal-Ukrajna, l-orjentazzjoni ġeopolitika lejn id-demokraziji tal-Punent u aċċellerat il-bidu tal-proċess tal-adeżjoni mal-UE; hija reġgħet għaqqdet – b’relazzjonijiet sodi – lill-UE u lil l-Istati Uniti, saħħet in-NATO fil-fruntieri tal-Ukrajna, u laqqgħet flimkien il-pajjiżi tal-UE li rreaġixxew b’kundanna unanima tal-invażjoni Russa u l-brutalità tal-gwerra. Iżda, wara l-ewwel pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE, li dan l-aħħar ġew estiżi għall-importazzjonijiet tal-faħam, illum huwa impossibbli li tittieħed deċiżjoni komuni dwar il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet, speċjalment tal-gass u taż-żejt, għaliex dan ifisser li l-Ewropa jkollha tfittex malajr sorsi alternattivi ta’ provvista sabiex ma tagħmilx is-sopravivenza ekonomika tagħha dipendenti mir-Russja. Iżda għadna mhux lesti, għandna bżonn l-unanimità tal-gvernijiet Ewropej,u l-impatt ta’ imblokk Russu totali tal-esportazzjonijiet tal-enerġija fuq il-PDG nazzjonali se jkun drammatiku għal ċerti pajjiżi.
Dan ifisser l-għeluq ta’ xi intrapriżi u telf ta’ impjiegi wara l-kriżi tal-pandemija. Naturalment, dan ser jieħu ż-żmien għal embargo totali fuq il-gass u l-idrokarburi, iżda wittejna t-triq u r-relazzjonijiet ekonomiċi preċedenti mar-Russja twarrbu għal dejjem. Madankollu, f’dan il-kuntest, l-UE għandha r-responsabbiltà ssalva dak li fadal mill-ekonomija tal-Ukrajna, sabiex tiġi evitata katastrofi li tieħu fit-tul u sabiex tniedi djalogu konkret mal-Ukrajna dwar il-proċess tal-adeżjoni, mingħajr ma ssir ħsara lill-proċess tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent.
L-UE trid tistabbilixxi miżuri kumpensatorji biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-kunflitt u s-sanzjonijiet relatati fuq pajjiżi tagħna. Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li s-sanzjonijiet fuq ir-Russja se jkollhom impatt fuq il-miri tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE, li qbilna dwarhom flimkien mal-investimenti tal-pakkett Next Generation EU. Iżda, jeħtieġ li nkomplu nirrispettaw l-impenji li għamilna b’rabta mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali kif ukoll niżguraw dimensjoni soċjali aħjar fl-Ewropa.
Din il-gwerra għandha konsegwenzi serji wkoll għall-provvista tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja. Hija se tkompli taggrava s-sitwazzjoni diġà diffiċli għall-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet. Irridu niffukaw fuq miżuri li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fl-UE, kemm fuq perjodu qasir ta’ żmien wara l-invażjoni kif ukoll fuq perjodu itwal ta’ żmien. Sadanittant, m’għandniex ninjoraw l-impatt qawwi tal-gwerra fuq il-provvisti tal-ikel f’pajjiżi mhux tal-UE wkoll. Għandha tiġi evitata kriżi soċjali u ekonomika ġdida, u l-ispekulaturi tal-prezzijiet tal-ikel u taż-żejt għandhom jitwaqqfu, u għandhom jitqiesu miżuri li jintaxxaw il-profitti addizzjonali tagħhom.
Iżda l-prijorità hija li tintemm il-gwerra u li jinstab mod kif ikunu jistgħu jinbdew in-negozjati u l-proċess ta’ paċi. L-UE għandha ssir attur ġeopolitiku ġenwin, l-attur ewlieni fil-proċess, minħabba li l-futur tagħha jinsab fil-periklu. Iċ-Ċina u t-Turkija għandhom il-vantaġġi politiċi u ekonomiċi tagħhom f’dawn in-negozjati, iżda mhumiex il-promoturi tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dan jikkostitwixxi punt ta’ bidla fl-istorja tal-UE, b’implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u strateġiċi għad-dinja kollha. L-UE għandha tassumi responsabbiltajiet ġodda u timxi lejn integrazzjoni politika aktar b’saħħitha: ma jistax ikollna sistema ta’ difiża komuni mingħajr politika barranija komuni u integrazzjoni politika aktar b’saħħitha u aktar koeżiva. Kull tip ta’ aġir lejn id-difiża integrata għandu jġib miegħu kontroll demokratiku ċar fuq sistema bħal din.
Ir-riskju tal-gwerra ġewwa l-Ewropa għandu jservi bħala xprun biex il-gvernijiet tal-UE jaħdmu favur proċess ċar ta’ integrazzjoni politika fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
L-UE għanda tiddefendi u tipproteġi l valuri tagħha, u għandha r-responsabbiltà li tippreserva l-paċi li ggarantixxejna fl-Ewropa f’dawn l-aħħar 70 sena.