Fl-24 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha fl-isfond ta’ summit tal-Kunsill Ewropew li poġġa l-gwerra fuq nett tal-aġenda.

Ir-Riżoluzzjoni ġiet adottata mis-sessjoni plenarja wara dibatittu mal-Kummissarju għall-Affarijiet Intern Ylva Johansson u diversi rappreżentanti mexxejja tas-soċjetà ċivili Ukrena u Russa.

Il-membri tal-KESE esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna u enfasizzaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-assistenza tal-poplu u r-refuġjati Ukreni.

Meta fetħet id-dibattitu, il-President tal-KESE Christa Schweng enfasizzat li l-invażjoni qed thedded is-sigurtà u l-valuri tagħna, u l-UE ġustament u bis-saħħa tinsab mal-Ukrajna, u qed tirreaġixxi b’għaqda u solidarjetà.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson enfasizzat ir-rwol estremament importanti tal-KESE biex juża l-għarfien tiegħu fuq il-post. L-Ewropa s’issa laqgħet 3,5 miljun refuġjat Ukren, inklużi 1,8 miljun tifel u tifla. Is-Sinjura Johansson qalet li s-solidarjetà bla preċedent tas-soċjetà ċivili man-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna kienet notevoli, u dan jagħmilna lkoll kburin li aħna Ewropej.

Il-Presidenti tat-tliet Gruppi tal-KESE, li huma r-relaturi tar-Riżoluzzjoni, enfasizzaw l-isfidi kruċjali li l-Ewropa qed tiffaċċja bħala konsegwenza tal-gwerra.

Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, qal li fir-Riżoluzzjoni, il-KESE jilqa’ l-azzjonijiet umanitarji li ttieħdu s’issa u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar biex jgħinu lill-Ukrajna.

Oliver Röpke, President tal-Grupp tal-Ħaddiema qal li wieħed mill-messaġġi ewlenin tiegħu huwa li l-komunità internazzjonali u l-Ewropa jridu jibqgħu magħqudin f’din is-sitwazzjoni.

Séamus Boland, President tal-Grupp Diversità Ewropa, qal li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna tirrappreżenta l-aktar aggressjoni vjolenti mhux ipprovokata fuq il-kontinent Ewropew mill-1939 u l-Ewropa trid tibqa’ magħquda kontriha.

Rappreżentanti mis-soċjetà ċivili Ukrena u Russa kellhom impatt emozzjonali qawwi għad-dibattitu permezz tal-esperjenzi tagħhom tal-gwerra.
Il-fundatur tal-moviment Open Russia, Mikhail Khodorkovsky, enfasizza l-konsegwenzi diżastrużi tad-diżinformazzjoni u qal li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni hija l-prerogattiva, anke barra l-fruntieri tar-Russja.

Il-President tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Tripartitiku Nazzjonali tal-Ukrajna, Anatoliy Kinakh, iddeskriva l-atti tar-Russja mhux biss bħala aggressjoni militari, iżda reat kontra ċ-ċivilizzazzjoni.

Alexander Shubin, President tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna talab lill-Ewropa tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u l-aspirazzjonijiet tagħha li tkun parti mill-familja Ewropea.

Gennadiy Chyzhykov, President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Ukrajna, talab lill-impjegaturi u lill-organizzazzjonijiet tan-negozju Ewropej biex jappoġġjaw lill-kumpaniji Ukreni.

Fl-aħħar nett, Yevgenya Pavlova mill-Assemblea Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità tal-Ukrajna, ħeġġet lin-nies biex ma jinsewx lill-Ukreni b’diżabilità li jeħtieġu attenzjoni speċjali. (at)

It-test kollu tar-Riżoluzzjoni tal-KESE jinsab fil-web sit tal-KESE.