KESE Info: Ġejt eletta President tal-Grupp ad hoc tal-KESE dwar l-ugwaljanza. Liema huma l-aktar kompiti importanti li l-Grupp se jindirizza?

Maria Nikolopoulou: Il-missjoni tal-Grupp dwar l-Ugwaljanza hija li jippromovi kultura trasversali ta’ ugwaljanza u nondiskriminazzjoni fil-KESE. Għalhekk, l-ewwel pass huwa li jiġu identifikati l-oqsma fejn il-membri jistgħu potenzjalment jirċievu trattament mhux ugwali minħabba l-oriġini, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin tagħhom. Għandna wkoll l-għan li nsaħħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Kumitat tagħna u nilħqu bilanċ bejn il-ġeneri mill-aktar fis possibbli. Bħalissa għandna 108 membru mara (32,82 %). Minn naħa, irridu nżidu l-għadd ta’ membri nisa fuq il-perjodu medju/twil min-naħa l-oħra rridu niżguraw li noħolqu l-ispazju u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex in-nisa jkunu aktar attivi. Waħda mill-għodod li rridu ntejbu hija l-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa, mhux biss bħala membri iżda wkoll bħala esperti u kelliema, fl-attivitajiet tagħna.

Il-Grupp kif se jikkoopera ma’ istituzzjonijiet tal-UE oħra u organizzazzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza?

Is-sena l-oħra konna f’kuntatt mal-eks President tal-Kumitat FEMM tal-Parlament Ewropew, Evelyn Regner, u l-Viċi President tal-Parlament għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Diversità, Dimitrios Papadimoulis, biex niskambjaw l-ideat, l-aħjar prattiki u l-azzjonijiet. Ġejna ispirati u rreplikajna l-inizjattiva tal-Parlament li tiġi organizzata Ġimgħa għall-Ugwaljanza. Adattajna din l-idea għall-ħidma u l-iskeda tagħna stess u, fil-laqgħa tas-sezzjonijiet tagħna fi tmiem is-sena, kellna dibattiti tematiċi dwar suġġetti relatati man-nisa, mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru san-nisa fl-agrikoltura, it-trasport bl-ilma, l-ekonomija u r-relazzjonijiet esterni. Barra minn hekk bħalissa qed norganizzaw avveniment miftuħ li se nxandru u li għandna l-għan li norganizzaw kull sena, biex niċċelebraw Jum il-Mara fit-8 ta’ Marzu.

Din is-sena, fit-8 ta’ Marzu, nixtiequ nimmiraw l-attivitajiet tagħna lejn il-pubbliku barra l-Kumitat u niġbdulhom l-attenzjoni għas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

KESE Info: Għalfejn taħseb li huwa importanti li s-soċjetà ċivili jkollha Grupp bħal dan?

Il-KESE huwa parti mis-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet li aħna bħala membri nappartjenu fihom jitolbu r-rispett u jippromovu l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali u lokali u rridu nagħmlu l-istess fil-livell Ewropew fid-“dar tas-soċjetà ċivili organizzata”. Biex inkunu konsistenti mal-valuri u t-talbiet tagħna, neħtieġu nipprattikaw dak li nippridkaw, u niżguraw li kontinwament inrawmu kultura ta’ ugwaljanza.

Maria Nikolopoulou, membru tal-KESE, President tal-Grupp ad hoc dwar l-Ugwaljanza