European Economic
and Social Committee
Wasal iż-żmien għal forma ta’ governanza ekonomika aktar orjentata lejn il-prosperità
Parent Online Newsletter
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Huwa jappoġġja bil-qawwa l-pakkett tan-NextGenerationEU u jappella biex il-ftehimiet meħtieġa jiġu konklużi malajr kemm jista’ jkun.
Madankollu, l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 se jirnexxi biss jekk ikun akkumpanjat minn ristrutturar tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna, u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja huwa kruċjali sabiex tiġi stabbilizzata d-domanda. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’:
- Tranżizzjoni għal forma ta’ governanza ekonomika aktar orjentata lejn il-prosperità u bbażata fuq is-solidarjetà. Il-KESE jappella biex il-proċess ta’ rieżami tal-governanza ekonomika mniedi mill-Kummissjoni jissokta mill-aktar fis possibbli.
- Żieda fl-investiment privat u pubbliku, b’‘regola tad-deheb’ għall-investiment pubbliku, biex jiġu salvagwardjati l-produttività u l-bażi soċjali u ambjentali għall-ġenerazzjonijiet futuri: “Dan ifisser li jitneħħa l-investiment nett mill-kalkolu tal-indikaturi tad-defiċit”, tispjega r-relatur, Judith Vorbach.
- L-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: l-inizjattivi għal Ewropa aktar soċjali jinkludu Proposta għal Direttiva dwar pagi minimi adegwati.
- Riforma tal-politiki tat-tassazzjoni, biex il-piż tat-taxxa jiċċaqlaq minn fuq ix-xogħol għal fuq bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għall-provvista ta’ ħaddiema, waqt li jitqies ukoll l-impatt distribuzzjonali relatat. Il-KESE jappella għal progress sostanzjali fl-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, kif deskritt fil-pjan ta’ rkupru. (na)