Fis-27 ta’ Jannar, il-KESE kellu dibattitu mal-Kummissarju Johansson matul is-sessjoni plenarja tiegħu, eżatt qabel ma adotta l-Opinjoni tiegħu dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Fl-Opinjoni, il-Kumitat esprima riżervi dwar jekk il-Patt hux se jgħin fl-iżvilupp ta’ qafas Ewropew komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni li jkun kemm effettiv kif ukoll konformi mal-valuri tal-UE.

Ir-relatur għall-Opinjoni, José Antonio Moreno Diaz, qal, “Kellna ħafna tamiet għal dan il-patt iżda jkolli ngħid li ninsabu ftit iddiżappuntati. L-analiżi tal-Kummissjoni hija tajba, u naqblu dwar il-konklużjonijiet, iżda aħna frustrati bid-dettalji u xi jfissru fejn jidħlu l-proposti.”

Il-korelatur, Cristian Pîrvulescu, iddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress fuq ċerti kwistjonijiet li huma indirizzati fil-patt. “Jiddispjaċina ngħidu li ma kienx hemm ħafna progress, iżda ttieħdu ħafna passi lura minflok quddiem. Aħna ninkoraġixxu lill-Kummissjoni tieħu approċċ iktar qalbieni lejn uħud minn dawn il-kwistjonijiet.”

L-oġġezzjoni ewlenija tal-KESE kienet li l-patt iffoka primarjament fuq ir-ritorni u l-ġestjoni tal-fruntieri, aspejjeż tal-indirizzar ta’ kwistjonijiet jaħarqu oħrajn, bħal kanali ta’ immigrazzjoni regolari, perkorsi sikuri għall-ażil u l-integrazzjoni tal-migranti. Barra minn hekk, uħud mis-soluzzjonijiet proposti jistgħu ma jkunux fattibbli fil-prattika.

Il-Kummissarju Ewropew, Ylva Johansson, qalet li “xejn ma taqbel” mal-kritika li l-Kummissjoni kienet nieqsa mill-ambizzjoni. “Ir-realtà tal-lum hija differenti ħafna mill-2015, meta kellna influss massiv ta’ refuġjati u r-rilokazzjoni kienet kwistjoni kbira”, hija qalet, u spjegat li l-maġġoranza l-kbira ta’ wasliet ġodda irregolari llum ma kinux refuġjati. Għalhekk, deċiżjonijiet u ritorni rapidi kienu importanti ħafna, iżda anke l-bżonn li jiġi garantit proċess ġust għal dawk kollha qed ifittxu ażil.

“Dawk eliġibbli biex jibqgħu merħba bihom u rriduhom ikunu parti mis-soċjetà tagħna,” qalet is-Sinjura Johansson.

Waqt id-dibattitu, il-KESE esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin ta’ migranti mal-fruntiera tal-UE mal-Bożnija-Ħerzegovina. (na)