Il-KESE appoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Fil-futur, l-elettriku, it-tisħin u t-trasport għandhom ikunu kollha interkonnessi, bl-għan aħħari li tittejjeb l-effiċjenza u tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima

F’Opinjoni mħejja minn Lutz Ribbe u adottata waqt is-sessjoni plenarja ta’ Jannar, il-KESE jindika li strateġija bħal din tista’ tikkontribwxxi sabiex tiġi żgurata provvista tal-enerġija, jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-prezzijiet affordabbli jsiru realtà għall-konsumaturi Ewropej.

Fil-fehma tal-Kumitat, madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tonqos milli ssemmi kif l-UE tista’ tikseb sigurtà tal-provvista bl-użu ta’ sorsi tal-enerġija li huma baxxi fil-karbonju jew li huma ħielsa mill-karbonju.

“It-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Ewropa tista’ tkun ta’ suċċess biss jekk jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha,” qal is-Sur Ribbe, meta tkellem mill-marġni tas-sessjoni plenarja.

“Il-Kummissjoni tiddikjara li 84 % tad-domanda għall-elettriku ser ikollha tiġi minn sorsi rinnovabbli, iżda tonqos milli tagħti dettalji dwar is-sorsi li minnhom għandu jiġi prodott il-bqija tal-elettriku. Bla dubju dan huwa inaċċettabbli. Is-sigurtà tal-provvista hija fundamentalment importanti għall-ekonomija u l-konsumaturi Ewropej, speċjalment hekk kif l-elettrifikazzjoni tal-provvista tat-tisħin u s-settur tat-trasport huma mistennija li jżidu d-domanda għall-elettriku, minkejja l-progress fl-effiċjenza.”

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li n-nuqqas jew l-inadegwatezza tal-ipprezzar tal-emissjonijiet tas-CO2 fis-setturi tat-tisħin u tat-trasport huma problema serja għall-integrazzjoni tas-sistema.

Apparti dan, is-sorsi rinnovabbli mhux dejjem jintagħżlu flok il-karburanti fossili. F’ħafna Stati Membri, tassazzjoni qawwija fuq l-elettriku u imposti eċċessivi fuq in-network joħolqu distorsjonijiet fis-suq. F’dawn il-każijiet, l-użu ta’ elettriku żejjed sabiex tiġi prodotta s-sħana – l-aktar forma sempliċi ta’ integrazzjoni tas-sistema – mhijiex ekonomikament vijabbli.

Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti konkreti għal soluzzjonijiet, minflok sempliċiment tiddeskrivi l-problema bi kliem xi ftit jew wisq inċert jew vag. (mp)