European Economic
and Social Committee
Inbidlu l-irkupru f’suċċess: il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili organizzata
Il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li jaħdmu flimkien għal Ewropa li tegħleb il-pandemija u tikkonsolida l-irkupru – Ewropa prosperuża, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-KESE Christa Schweng lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u lill-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva Maroš Šefčovič fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Diċembru.
Is-Sinjura Schweng laqgħet il-fatt li bosta proposti u rakkomandazzjonijiet tal-KESE, kif iddikjarat fir-Riżoluzzjoni tal-KESE ta’ Ġunju 2021, ġew riflessi fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022, u qalet li “l-prijoritajiet tagħna huma marbuta mill-qrib ma’ dawk tal-Kummissjoni Ewropea, u għaldaqstant se nkomplu nappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-għanijiet ambizzjużi tagħha. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li s-soċjetà ċivili organizzata tirnexxi u tgħix f’soċjetà miftuħa u bbażata fuq il-valuri. Ejjew ningħaqdu flimkien u nagħmlu l-Ewropa post mill-aqwa fejn wieħed jistabbilixxi ruħu u jirnexxi!”.
Is-Sinjura von der Leyen irrikonoxxiet il-ħidma li wettaq il-KESE, u qalet li “l-Kumitat dejjem kien ta’ appoġġ kbir u impenjat sew fil-missjoni tiegħu: li jsemma’ l-vuċi tan-nies, il-vuċi tan-negozji, tal-ħaddiema u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. Se nibqgħu msieħba li naħdmu mill-qrib, kemm fl-ippjanar tal-politika annwali kif ukoll fl-iżvilupp tal-viżjoni fit-tul tagħna”.
Is-Sur Šefčovič tenna kliemha u rringrazzja lill-Kumitat għall-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea, u qal li din żammet “ir-rabta bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ħajja u b’saħħitha”, u nnota wkoll li “l-membri tal-KESE huma l-aqwa ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea”. (mp)