Kumpaniji tal-UE lesti li jimplimentaw żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali

Mill-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE, Stefano Mallia

In-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali mhux se jkunu kompitu faċli għall-Ewropa. L-aġenda trasformattiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hija eżiġenti daqs kemm hija konvinċenti. Xi CEOs jipperċepixxuh bħala kompitu enormi, iżda kull min iħaddem fl-UE huwa lest li jżid ix-xogħol u jaċċellera l-implimentazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Jidher ċar li d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija se tgħabbi kumpaniji li jużaw ħafna enerġija bi spejjeż kbar għall-enerġija filwaqt li fl-istess ħin timponi tibdil strutturali enormi fuq is-setturi industrijali, tat-trasport u tal-enerġija, bir-riskju ta’ żvantaġġ ekonomiku f’suq globali kompetittiv.

Madankollu, dan jista’ jintlaħaq jekk l-objettiv ta’ politika klimatika globali tal-UE jkun ibbilanċjat bi strateġija industrijali ambizzjuża li ssaħħaħ il-kompetittività – u politika tal-enerġija daqstant ambizzjuża mfassla biex tiżgura s-sigurtà u l-affordabilità fit-tul tal-enerġija. M’hemm l-ebda dubju li l-istrateġija industrijali aġġornata, li l-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta kmieni s-sena d-dieħla, trid tallinja l-fergħat ewlenin tal-politika tal-enerġija u l-kompettività industrijali.

Fl-istess waqt, soluzzjonijiet diġitali huma indispensabbli għat-tisħiħ tal-progress lejn l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. Billi l-Ewropa għadha lura fl-iżvilupp diġitali u l-konnettività b’veloċità għolja, “Patt Diġitali” għall-Ewropa hija meħtieġa.

Aħna nemmnu bil-qawwa li l-kumpaniji Ewropej għandhom il-kapaċità ta’ riċerka u soluzzjonijiet teknoloġiċi biex jgħinu lill-kontinent tagħna jsir attur indipendenti bi rwol ta’ mexxej fil-qasam diġitali.

Madankollu, hemm parametru nieqes fl-ekwazzjoni u dan huwa l-investiment. Il-Pakkett għall-Irkupru tal-UE se jipprovdi appoġġ finanzjarju pubbliku komprensiv, li jrid ikun allinjat mal-finanzjament privat, jekk irridu nkunu żguri li noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għal rikostruzzjoni li tirnexxi.

Irridu nirrealizzaw li ninsabu fi stadju kritiku. Jekk infallu li nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa issa se jkun hemm riperkussjonijiet profondi u dejjiema fuq ir-rwol tal-Ewropa fit-tiswir tal-futur globali. Assolutament ma nistgħux infallu hawnhekk.

Fid-9 ta’ Diċembru il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE kellu webinar bit-titlu Id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minnu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jinsabu hawnhekk: https://europa.eu/!dN89jx