European Economic
and Social Committee
Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023: Komunikazzjoni tajba għandha turi l-benefiċċji tal-proġett Ewropew
F’Opinjoni adottata fit-23 ta’ Frar, il-KESE kkummenta dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvesti fil-komunikazzjoni tal-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, u x’jeħtieġ li jsir biex dawn jingħelbu.
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023, li jiddeskrivi l-prijoritajiet tal-politika ekonomika u tal-impjiegi għall-UE għat-12 sa t-18-il xahar li ġejjin, għandu l-għan li jtaffi l-impatt negattiv tax-xokkijiet fl-enerġija fuq terminu qasir, irawwem tkabbir sostenibbli u inklużiv u jżid ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-UE fit-terminu medju.
Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat laqa’ l-prijoritajiet stabbiliti fir-rigward tas-sostenibbiltà kompetittiva, kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lit-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE. Barra minn hekk, il-KESE enfasizza l-importanza ta’ komunikazzjoni tajba u appella lill-Kummissjoni biex tinvesti fiha. Sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, il-KESE appella għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kompetizzjoni effettiva u kunsiderazzjoni aħjar tat-tħassib tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ realistiku, moderat u bbilanċjat meta jindirizzaw l-inflazzjoni.
“Diskors b’saħħtu, affidabbli u konġunt dwar l-isfidi tagħna u kif l-UE mmobilizzat biex tegħlibhom huwa fundamentali għaċ-ċittadini, u se jevita nuqqas ta’ fehim dwar il-proġett Ewropew u jagħti spinta lill-idea ta’ ‘Ewropa għal Kulħadd’”, ikkummenta r-relatur tal-KESE Gonçalo Lobo Xavier. (tk)