Fit-23 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ir-rebbieħa tat-tielet edizzjoni tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għażel u ppremja r-rebbieħa fi tliet kategoriji ewlenin: l-aħjar SME li tipproċessa l-ikel organiku, l-aħjar bejjiegħ bl-imnut tal-ikel organiku, u l-aħjar restorant/servizz tal-ikel organiku.

Ir-rebbieħa huma:

  • L-aħjar SME li tipproċessa l-ikel organiku: Gino Girolomoni Cooperativa Agricola (l-Italja), kooperattiva li tipproduċi għaġin organiku fir-reġjun tal-Marche bl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, li tappoġġja ’l fuq minn 300 bidwi lokali.
  • L-aħjar bejjiegħ bl-imnut tal-ikel organiku: SAiFRESC (Spanja), inizjattiva mmexxija mill-bdiewa li tipproduċi 70 varjetà ta’ frott u ħaxix organiku fuq 30 ettaru ta’ art agrikola organika, tippromovi ekonomija ċirkolari u toffri sessjonijiet ta’ ħidma edukattivi.
  • L-aħjar restorant/servizz tal-ikel organiku: Kalf & Hansen (l-Iżvezja), katina ta’ ristoranti li tispeċjalizza fil-kċina Nordika 100% organika u staġjonali, magħrufa għal forniment sostenibbli u rabtiet b’saħħithom mal-produtturi lokali.

Peter Schmidt, President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) tal-KESE faħħar lir-rebbieħa, u fl-istess ħin innota li l-premjijiet jirrikonoxxu l-innovazzjoni u l-eċċellenza fis-settur organiku tal-UE. Huwa enfasizza li ż-żieda fl-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti organiċi hija essenzjali għat-tkabbir tas-settur u biex tgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha ta’ 25 % biedja organika sal-2030. “Madankollu, is-soluzzjoni tal-problemi soċjali permezz tal-politiki agrikoli hija l-approċċ żbaljat. Il-politiki soċjali għandhom isaħħu l-pożizzjoni taċ-ċittadini Ewropej biex jaffordjaw prodotti organiċi”, żied jgħid.

Il-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika huma parti mill-inizjattiva usa’ tal-Jum Organiku tal-UE, imniedi fl-2021 biex tenfasizza l-benefiċċji tal-biedja organika. Il-biedja organika, appoġġjata mill-Politika Agrikola Komuni tal-UE, kibret b’mod sinifikanti minn 5,9 % tal-art agrikola tal-UE fl-2012 għal 10,5 % sal-2022, bil-bejgħ bl-imnut jilħaq EUR 45 biljun fl-2022. Minkejja l-isfidi ekonomiċi, l-UE tibqa’ t-tieni l-akbar suq organiku fuq livell globali, wara l-Istati Uniti. (ks)