minn Biljana Spasovska,

Network tal-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani (BCSDN)

Il-Maċedonja ta’ Fuq tinsab f’mument kritiku fit-tfittxija tagħha għall-adeżjoni mal-UE, peress li l-vjaġġ tal-pajjiż ġie mxekkel minn ostakli u dewmien ikkawżati minn tilwim bilaterali mhux solvut u tnaqqis fl-appoġġ pubbliku. Minkejja dawn l-ostakli, il-wegħda ta’ prosperità ekonomika u stabbiltà reġjonali tkompli tixpruna x-xewqa tal-pajjiż li jissieħeb fl-UE.

L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juri xejra inkwetanti hekk kif l-appoġġ għas-sħubija fl-UE naqas f’dawn l-aħħar snin. Dan it-tnaqqis jirrifletti frustrazzjoni vasta minħabba l-pass kajman tal-progress u n-nuqqas perċepit ta’ impenn mill-Istati Membri tal-UE.

It-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE kienet mimlija bi kwistjonijiet kumplessi li jestendu lil hinn mill-fruntieri tal-Maċedonja ta’ Fuq. Kriżi ta’ demokrazija u instabbiltà politika fir-reġjun u fost l-Istati Membri tal-UE, flimkien maż-żieda tan-nazzjonaliżmu tal-lemin, joħolqu sfidi sinifikanti għall-proċess ta’ integrazzjoni. Madankollu, fost dawn l-isfidi, hemm lok għal ottimiżmu u tiġdid, peress li ħafna nies iqisu l-integrazzjoni tal-UE bħala triq lejn prosperità futura u standards tal-għajxien imtejba. Huwa promettenti wkoll li l-pajjiż diġà huwa allinjat pjuttost tajjeb mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Hi u timxi ’l quddiem, il-Maċedonja ta’ Fuq trid tagħti prijorità lill-progress fir-riformi u l-kapitoli tan-negozjati f’oqsma kritiċi bħall-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-demokrazija u amministrazzjoni pubblika aħjar. Progress viżibbli f’dawn l-oqsma xprunat mill-proċess ta’ adeżjoni mal-UE jsaħħaħ ukoll l-appoġġ pubbliku għall-UE. L-impenn lejn il-valuri demokratiċi, il-kooperazzjoni reġjonali u l-insegwiment ta’ destin Ewropew kondiviż ser ikunu kruċjali hekk kif il-pajjiż jinnaviga l-intoppi fit-triq tal-adeżjoni tiegħu.

Filwaqt li l-pajjiż ikollu juri maturità politika u jwettaq ir-riformi meħtieġa, l-UE trid turi lill-poplu tal-Maċedonja ta’ Fuq li l-proċess ta’ adeżjoni huwa ġust, ibbażat fuq il-mertu u li qed jipprogressa. Trid tintwera r-rieda politika biex tiġi avvanzata l-adeżjoni, kif muri lejn l-Ukrajna; il-progress irid jiġi ppremjat u jittieħdu passi biex tiġi garantita kapaċità adegwata fuq iż-żewġ naħat biex imexxu l-proċess.

Fl-aħħar nett, għandu jkun ċar li ma hemm l-ebda alternattiva aħjar, għall-benefiċċju ta’ kulħadd, għall-Maċedonja ta’ Fuq jew għar-reġjun kollu li jissieħeb fl-UE. Wara kollox, il-Maċedonja ta’ Fuq jista’ jkun pajjiż żgħir iżda l-wirt kulturali rikk, il-pożizzjoni strateġika u l-impenn lejn il-valuri demokratiċi jġibu stabbiltà reġjonali u opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku, fl-istess ħin li jissaħħu d-diversità u l-koeżjoni tal-UE.