European Economic
and Social Committee
20 sena mill-akbar tkabbir tal-UE
minn Jarosław Pietras
Dr Jarosław Pietras, eks Viċi Kap Negozjatur għall-adeżjoni tal-Polonja mal-UE, jirrifletti dwar l-impatt tat-tkabbir li seħħ 20 sena ilu u l-benefiċċji ekonomiċi u oħrajn li ġab miegħu mhux biss għall-Polonja u pajjiżi oħra li ssieħbu iżda għall-UE kollha kemm hi. Id-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea tiġi estiża fl-2004 kienet xhieda tal-impenn tal-Unjoni għall-unità, id-diversità u s-solidarjetà. Illum, għad hemm tagħlimiet siewja li għandhom jittieħdu minnha għal kwalunkwe negozjati futuri ta’ qabel l-adeżjoni.
Wara 20 sena, jidher pjuttost ċar li d-dħul tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, flimkien ma’ Malta u Ċipru, fl-UE mhux biss irrappreżenta “tkabbir kbir” iżda kien pass storiku għall-Unjoni Ewropea kollha. L-impatt kien profond, b’mod partikolari fuq ix-xenarju ekonomiku tal-pajjiżi li kienu għadhom kif issieħbu.
It-tkabbir ta spinta sinifikanti lill-istandard tal-għajxien fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali. It-tmien pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali – ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja – kollettivament esperjenzaw żieda notevoli fil-PDG per capita tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom, li qabżet dik li kieku kienet tinkiseb li kieku ma ssiħbux fl-UE. L-istatistika dejjem tirreferi għall-medji dwar il-benefiċċji tanġibbli li ġġib magħha l-integrazzjoni. Ta’ min jinnota li anke jekk il-kisbiet ma kinux imqassma b’mod ugwali fost l-Istati Membri, b’xi wħud jesperjenzaw titjib aktar sinifikanti minn oħrajn, il-pajjiżi kollha wrew titjib sinifikanti. Pereżempju, il-Litwanja u l-Polonja kienu fuq quddiem nett, u kisbu l-aktar benefiċċji sostanzjali mis-sħubija fl-UE, iżda l-Estonja u s-Slovenja għamlu inqas progress minħabba l-isfidi li ffaċċjaw, speċjalment minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja tal-2008.
L-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea wasslet għal era ġdida ta’ prosperità ekonomika għall-Polonja u l-kontropartijiet tagħha fl-Ewropa Ċentrali. Il-Polonja, b’mod partikolari, tispikka bħala storja ta’ suċċess tal-iżvilupp ta’ wara l-adeżjoni. Il-pajjiż esperjenza tkabbir ekonomiku bla preċedent, bil-PDG tiegħu jirdoppja bejn l-2004 u l-2022. Bl-istess mod, Stati Membri oħra fir-reġjun raw ukoll tkabbir sostanzjali fil-PDG per capita tagħhom, għalkemm b’rati li jvarjaw. Is-Slovakkja u l-Litwanja, pereżempju, urew progress ta’ min ifaħħru, li kompla jnaqqas id-distakk fl-iżvilupp mal-Ewropa tal-Punent. Id-data statistika minn dan il-perjodu tagħti stampa tar-reżiljenza u d-dinamiżmu, peress li dawn il-pajjiżi sfruttaw is-sħubija fl-UE biex jixprunaw l-espansjoni ekonomika u jsaħħu l-kompetittività globali tagħhom. Din il-kisba notevoli tenfasizza l-impatt trasformattiv tal-integrazzjoni tal-UE fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda kollha. U dan seħħ minkejja l-impatt tal-kriżi finanzjarja, li matulha l-membri l-ġodda tal-UE kisbu rati ta’ tkabbir ogħla milli mistenni.
Il-perjodu ta’ wara t-tkabbir tal-UE fl-2004 ma kienx mingħajr l-isfidi tiegħu. Pereżempju, il-kriżi finanzjarja globali tal-2008 ħasdet l-ekonomija Ewropea kollha, u ttestjat ir-reżiljenza kemm tal-Istati Membri stabbiliti kif ukoll ta’ dawk li kienu għadhom kif ġew integrati. Minkejja l-effetti negattivi tal-kriżi, il-membri l-ġodda tal-UE wrew reżiljenza notevoli, u qabżu l-projezzjonijiet inizjali tat-tkabbir. Il-kapaċità tagħhom li jegħlbu l-maltempata u jżommu rati pożittivi ta’ tkabbir enfasizzat is-saħħa tal-ekonomiji tagħhom u l-benefiċċji tal-integrazzjoni tal-UE. Fl-istess ħin li l-kriżi ħolqot sfidi sinifikanti, hija pprovdiet ukoll opportunità għal dawn il-pajjiżi biex jibbenefikaw bis-sħiħ mir-rabta mill-qrib mal-ekonomija Ewropea. Dan kien ukoll test ta’ kemm il-pajjiżi li ssieħbu ġodda kienu impenjati lejn il-valuri Ewropej u s-solidarjetà fi żminijiet ta’ avversità.
Matul il-proċess tan-negozjati, is-soċjetà ċivili Pollakka ħarġet bħala forza b’saħħitha għall-bidla u l-progress. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-movimenti fil-livell lokali u l-gruppi ta’ promozzjoni kellhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-UE u r-rispett tal-valuri demokratiċi fil-Polonja. L-isforzi bla waqfien tagħhom biex jissensibilizzaw, jimmobilizzaw l-appoġġ u jżommu lill-mexxejja responsabbli kienu strumentali fit-tiswir tal-fehma pubblika u fl-ixprunar ta’ bidla pożittiva. Billi involviet ruħha b’mod attiv maċ-ċittadini, rawmet id-djalogu u ppromoviet it-trasparenza, is-soċjetà ċivili Pollakka għenet biex tiżgura li l-proċess tan-negozjati jibqa’ inklużiv, demokratiku u reattiv għall-ħtiġijiet tal-poplu. Il-kontributi tagħhom mhux biss iffaċilitaw l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE iżda saħħew ukoll il-pedamenti tad-demokrazija u tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż.
Id-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea tiġi estiża fl-2004 kienet xhieda tal-impenn tal-Unjoni għall-unità, id-diversità u s-solidarjetà. Billi laqgħet fi ħdanha l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, flimkien ma’ Malta u Ċipru, l-UE espandiet il-potenzjal ekonomiku, ir-rikkezza kulturali u l-influwenza ġeopolitika tagħha. L-adeżjoni ta’ dawn il-pajjiżi ġabet magħha perspettivi, talenti u opportunitajiet ġodda għall-Unjoni, u arrikkiet il-patrimonju tagħha tad-diversità u saħħet il-preżenza globali tagħha. Minn perspettiva ġeopolitika, it-tkabbir saħħaħ l-influwenza u l-istabbiltà tal-UE billi integra l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-qafas tagħha ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni. Istituzzjonalment, it-tkabbir iddiversifika l-perspettivi tal-UE u approfondixxa l-integrazzjoni tagħha, u witta t-triq għal Unjoni aktar magħquda u reżiljenti.
Waqt li nirriflettu fuq l-esperjenzi tat-tkabbir tal-UE tal-2004, hemm lezzjonijiet siewja li għandhom jinsiltu, speċjalment fir-rigward tal-proċess tan-negozjati u t-tħejjijiet ta’ qabel l-adeżjoni. Kieku kelli nibda vjaġġ simili llum, inħeġġeġ li ssir enfasi akbar fuq il-kundizzjonijiet ta’ qabel l-adeżjoni u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ fin-negozjati futuri kollha, b’mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u l-istat tad-dritt. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-pajjiżi kandidati jissodisfaw il-kriterji u l-istandards meħtieġa qabel ma jissieħbu fl-UE biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-Unjoni u jinżammu l-valuri tagħha. Barra minn hekk, l-għoti ta’ appoġġ u assistenza adegwati lill-pajjiżi kandidati matul il-proċess tan-negozjati huwa kruċjali għall-integrazzjoni b’suċċess u l-istabbiltà fit-tul tagħhom fl-UE.
Fil-qalba tal-proċess tan-negozjati għat-tkabbir tal-UE tal-2004 kien hemm impenn kondiviż għat-trawwim tal-istabbiltà, id-demokrazija u l-prosperità fl-Ewropa kollha. Ix-xewqa li jissaħħu r-rabtiet ta’ kooperazzjoni u solidarjetà fost il-pajjiżi Ewropej iggwidat in-negozjati, peress li kemm il-pajjiżi kandidati kif ukoll il-membri eżistenti tal-UE rrikonoxxew il-benefiċċji reċiproċi tat-tkabbir. Waqt li n-negozjati kienu kumplessi u ta’ sfida, fl-aħħar mill-aħħar kienu xprunati minn viżjoni kondiviża ta’ Ewropa magħquda u prospera, fejn il-pajjiżi kollha setgħu jifjorixxu flimkien fil-qafas tal-Unjoni Ewropea.
Hekk kif il-pajjiżi kandidati tal-UE jinsabu fi triqithom lejn l-adeżjoni fl-2024, hemm diversi kunsiderazzjonijiet ewlenin li għandna nqisu. L-ewwel nett, il-prijoritizzazzjoni tar-riformi li jallinjaw mal-istandards u l-valuri tal-UE hija essenzjali għal integrazzjoni b’suċċess u stabbiltà fit-tul fl-Unjoni. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt u s-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Barra minn hekk, l-involviment proattiv mal-membri eżistenti tal-UE biex tinbena l-fiduċja u l-appoġġ huwa kruċjali għal tranżizzjoni bla xkiel fl-Unjoni. Billi juru impenn ġenwin għall-valuri u l-kooperazzjoni Ewropej, il-pajjiżi kandidati jistgħu jwittu t-triq għal futur aħjar tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Jaroslaw Pietras attwalment huwa riċerkatur mistieden fil-Wilfried Martens Centre for European Studies fi Brussell u professur mistieden fil-College of Europe fi Bruges.
Huwa ħadem bħala parti mit-tim li nnegozja l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE mill-1998, meta bdew in-negozjati, sal-2004, meta l-Polonja ssieħbet fl-UE. Mill-1990 sal-2006, huwa serva fil-Polonja nattiva tiegħu bħala Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Finanzi, Segretarju tal-Istat għall-Ewropa u Kap tal-Uffiċċju tal-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea. Mill-2008 sal-2020, huwa kien Direttur Ġenerali fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn kopra firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika (tibdil fil-klima, ambjent, trasport, telekomuniazzjonijiet, enerġija, edukazzjoni, kultura, awdjoviżiv, żgħażagħ u sport). B’PhD fl-Ekonomija mill-Università ta’ Varsavja, huwa l-awtur ta’ għadd ta’ pubblikazzjonijiet dwar l-UE, is-sostenibbiltà u kwistjonijiet kummerċjali. Huwa kien ukoll studjuż tal-Fondazzjoni Fulbright u membru tal-bord tal-grupp ta’ riflessjoni Bruegel (2008-2011).