European Economic
and Social Committee
Ir-responsabilizzazzjoni tal-elettorat tal-ġejjieni: Il-votanti żgħażagħ għandhom rwol fundamentali fit-tiswir tad-demokrazija
Minn Konstantina Manoli
Ma nistgħux niċħdu li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot iservi bħala għodda b’saħħitha biex jiġu espressi l-opinjonijiet u jiġu influwenzati l-politiki. Fil-fatt, matul l-elezzjonijiet b’mod ġenerali, aħna lkoll nagħżlu leħinna, in-nies li, personalment, inqisu li huma l-aktar adatti biex jirrappreżentawna, it-twemmin tagħna u s-sistemi ta’ valur tagħna. Madankollu, ħafna drabi l-maġġoranza tan-nies u speċjalment aħna, iż-żgħażagħ, għandna it-tendenza li ninjoraw il-qawwa tal-vot.
Niddikjaraw b’passjoni x-xewqa tagħna li nibdlu d-dinja, li noħolqu futur aħjar għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Madankollu, xi mkien f’nofs dan il-proċess, meta nħossu li l-opinjonijiet tagħna, il-valuri tagħna u l-ideali tagħna ma għadhomx importanti jew li m’għandniex setgħa, aħna nċedu.
Fil-fatt, bħala żagħżugħa mill-Greċja, naf eżattament dan xi jfisser. Jiena naf kif tkun il-frustrazzjoni ta’ meta leħinna ma jinstemax, rajt il-ksur tad-drittijiet tagħna, u esperjenzajt is-sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ setgħa li wieħed iħoss meta jidher li ma jkun hemm xejn iżjed x’nistgħu nagħmlu. Xi drabi, minkejja l-akbar sforzi tagħna, l-affarijiet ma jiġux kif ikunu ppjanajna. Huwa f’dawn il-mumenti, imdawra bl-eku tal-isforzi tagħna, li spiss ninsew il-verità fundamentali – li l-vot tagħna huwa s-setgħa tagħna stess! Kif qal darba Barack Obama: “Mhuwiex minnu li hawn xi vot li ma jiswiex”.
Sfortunatament, ma naħsibx li din hija biss l-esperjenza tiegħi jew esklużivament relatata mal-fatt li jiena Griega, żagħżugħa jew mara. Il-verità hija li ħafna individwi jikkondividu dan is-sentiment irrispettivament mill-età, l-etniċità, il-ġeneru, ir-reliġjon, jew iċ-ċirkostanzi personali tagħhom.
Il-vot huwa l-vuċi kollettiva tagħna fit-tiswir tal-futur li nixtiequ. Li nieħdu r-riedni f’idejna jiżgura li l-ħolm u l-valuri tagħna jirreżonaw fid-deċiżjonijiet li jsawru s-soċjetà tagħna. Irridu naġixxu, jeħtieġ li nqisu li l-vot tagħna huwa element ewlieni, li jiftaħ il-bieb għal futur fejn jiltaqgħu l-ekujiet taż-żgħażagħ li jkollhom is-setgħa.
Niftakru wkoll fil-kliem għaqli ta’ John Lewis, “Jekk mhux aħna, allura min? Jekk mhux issa, allura meta?”