Il-fondazzjoni karitattiva Third Age tal-Irlanda qed tiġġieled kontra s-solitudni fix-xjuħija permezz tan-network ta’ involviment soċjali tagħha AgeWell. Il-membri ta’ AgeWell, li huma stess għandhom ’il fuq minn 50 sena, iżuru persuni akbar fl-età fi djarhom darba fil-ġimgħa, joffru kumpanija iżda wkoll jimmonitorjaw is-saħħa u l-benesseri tal-klijent bl-għajnuna ta’ kwestjonarju f’forma ta’ applikazzjoni fuq l-ismartphone. Alison Branigan tal-fondazzjoni Third Age qaltilna li sal-lum, aktar minn 500 persuna rċevew l-appoġġ fil-Co. Meath tal-Irlanda, b’xi wħud jiddeskrivu s-servizz bħala “mezz ta’ salvataġġ” jew saħansitra bħala “raġġ ta’ dawl f’tarf mina twila u mudlama.”

X’ħeġġek tibda l-proġett tiegħek?

AgeWell ġie introdott fil-Co. Meath biex jappoġġja l-popolazzjoni akbar fl-età tagħha, li kellha ħtiġijiet speċifiċi ta’ kura soċjali, emozzjonali, psikoloġika u fiżika. Is-servizz tas-saħħa tagħna jinsab taħt pressjoni enormi, il-popolazzjoni tagħna qed tikber u qed tixjieħ, u hemm listi twal ta’ stennija għas-servizzi inkluż l-appoġġ fid-djar; Agewell jipprovdi rispons f’waqtu u prattiku li jikkomplementa u jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa eżistenti tagħna billi jappoġġja lill-anzjani iżolati, solitarji, fraġli, li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, u dawk li jinsabu f’riskju biex jgħinuhom jgħixu aħjar għal żmien itwal fil-post tal-għażla tagħhom, billi jipprovdulhom konnessjonijiet soċjali u monitoraġġ kontinwu tas-saħħa u l-benesseri, u billi jidentifikaw u jirreaġixxu għal kwistjonijiet emerġenti qabel ma jeskalaw f’xi ħaġa aktar serja. AgeWell jimxi id f’id mal-etika tal-organizzazzjoni tagħna Third Age, li tappoġġja lill-anzjani direttament permezz ta’ servizzi u programmi innovattivi, u toħloq opportunitajiet uniċi ta’ volontarjat fejn l-anzjani jistgħu jappoġġjaw lill-pari tagħhom u lil gruppi oħra tal-komunità. 

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu?  (Tista’ ttina eżempju jekk għandek?)

Sal-lum AgeWell appoġġja ’l fuq minn 500 persuna akbar fl-età fil-Co. Meath. Ħafna japprezzaw tabilħaqq l-aspett tal-programm li joffri kumpanija: huma bnew fiduċja speċjali mal-membri ta’ AgeWell li jipprovdulhom kumpanija, u dan li jgħinna nifhmu l-ħtiġijiet u l-biżgħat tagħhom u b’hekk jgħinna nappoġġjawhom aħjar.

Kummenti mill-klijenti tagħna jinkludu: “is-servizz huwa mezz ta’ salvataġġ”, “ma kontx naf li kelli bżonn l-appoġġ sakemm sibtu”, “inħossni tassew grat għas-servizz u għal min jiġi jżommli kumpanija, iddawluli l-ġimgħa”, “kont inħossni maqtugħ minn kulħadd, ma kont nara lil ħadd jum wara l-ieħor, inkun qed nistenna bil-ħerqa li jiġu jżuruni”. Klijent wieħed li kien għaddej minn perjodu diffiċli u ammetta li kien ikkontempla s-suwiċidju diversi drabi qal li “AgeWell wasal fil-ħin it-tajjeb – għenni nara raġġ ta’ dawl f’tarf mina twila u mudlama”; qal ukoll “kulħadd għandu jkollu aċċess għal dan is-servizz”.

Il-membri voluntiera tagħna li joffru kumpanija huma anzjani wkoll u jistqarru: “jien sempliċement inħobb inkun voluntier”, “hija ħaġa sabiħa meta tħoss li qed tagħmel id-differenza”, u “tgħallimt ħafna dwar in-nies u dwari li nagħmel dan ix-xogħol”.

Mil-lat statistiku nistgħu nuru li AgeWell ittejjeb il-benesseri u l-appoġġ soċjali, emozzjonali u informattiv, tnaqqas l-iżolament u s-solitudni, ittejjeb is-saħħa personali, u żżid il-livelli ta’ attività fiżika.

Feedback ieħor jinkludi s-serħan tal-moħħ espress mill-membri tal-familja tal-klijenti tagħna, u r-rikonoxximent tal-ħidma tagħna mill-fornituri tal-kura tas-saħħa li kontinwament jirreferu l-klijenti direttament lilna.

X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?

Kun af l-udjenza tiegħek, involvi lill-parteċipanti tiegħek fil-proċess, u agħti widen għas-suġġerimenti u l-ħtiġijiet tagħhom. Emmen f’dak li taf u f’dak li tista’ tikseb, kun kuraġġuż, kun kreattiv, taqtax qalbek: jekk l-idea tiegħek hija tajba biżżejjed, se ssib mod kif twettaqha. Trid tkun lest li taħdem ma’ ħaddieħor, u jekk possibbli tikseb finanzjament, appoġġ, promozzjoni mill-istat jew mis-servizz tas-saħħa, li jistgħu jikkontribwixxu ħafna għall-kredibilità, l-impatt u s-suċċess tal-programm.

X’taħseb li hija l-kawża ewlenija tal-aggravar tas-saħħa mentali fix-xjuħija, apparti l-fatturi fiżjoloġiċi? Nistgħu, bħala soċjetà, intejbu s-saħħa mentali tal-anzjani?

Is-solitudni u l-iżolament dejjem kienu fatturi li jikkontribwixxu għall-aggravar tas-saħħa mentali fix-xjuħija; għalkemm din tista’ tkun kwistjoni fl-Irlanda rurali, daqstant hija prevalenti fil-bliet dinamiċi. F’dawn l-aħħar snin, l-effetti tal-pandemija, l-iżolament sfurzat, it-tendenza li wieħed isib il-kenn f’daru, anke biex iħares lilu nnifsu mill-mard, it-telf tal-kuntatti soċjali, l-aċċess għall-attivitajiet u l-libertà ħolqu epidemija ta’ biża’, ansjetà, dipressjoni, u problemi ta’ saħħa mentali. Avvenimenti domestiċi u globali, inkluż l-għoli tal-ħajja li qed jiżdied, il-gwerra u l-kunflitt, kellhom rwol ukoll. Hekk kif navvanzaw fl-età, jista’ jkun hemm tnaqqis fiċ-ċirku soċjali tagħna, il-mard jista’ jaffettwa l-ħila li nwettqu l-attivitajiet tas-soltu, nistgħu nsibu lilna nfusna konfinati fid-dar jew nitilfu ftit mill-indipendenza tagħna. Huwa importanti li l-anzjani ma jintesewx minħabba l-inviżibbiltà possibbli tagħhom: irridu niftakru l-importanza tal-komunità u l-interventi tagħha, kif ukoll il-qawwa tal-kuntatti soċjali u t-trattamenti bbażati fuq l-attivitajiet soċjali.