European Economic
and Social Committee
Ana Gomes: Negħlbu l-lemin estrem fl-Ewropa – il-kawżi u r-rimedji meħtieġa
L-Ewropa qed tinjora din il-battalja iebsa u mhux qed jirnexxielha tlaħħaq magħha. Li nreġġgħu lura l-progress tal-lemin estrem bħalissa qed jidher li huwa kompitu diffiċli. Meta fl-1945 ingħeleb in-Nażi-Faxxiżmu, kien maħsub li movimenti estremisti se jitilfu l-influwenza u l-ispazju tagħhom biex joperaw. Dan ma kienx il-każ. Il-mudell demokratiku ppermetta lil-lemin estrem biex jibqa’ attiv u jissaħħaħ permezz tar-riżentiment u l-frustrazzjoni tan-nies. Il-lemin estrem ibbenefika minn tmenin sena ta’ tolleranza u kompjaċenza tad-demokraziji liberali Ewropej. Il-lemin estrem għamel ta’ bir-ruħu li qed jilgħab il-logħba demokratika, madankollu huwa qatt ma warrab l-ambizzjoni tiegħu li jeqred id-demokrazija minn ġewwa, ladarba jikseb il-poter li jagħmel dan.
U wasal qrib li jirnexxi; bħala parti minn qafas li huwa jsejjaħ “sovranità nazzjonali”, il-lemin estrem diġà kiseb is-setgħa fil-gvern f’diversi pajjiżi bħall-Ungerija ta’ Orban u s-Slovakkja ta’ Fico. Fil-Polonja huwa kien kien fil-poter għal tmien snin permezz tal-gvern PiS (Prawo i Sprawiedliwosc/Liġi u Ġustizzja) sal-elezzjonijiet reċenti ta’ Ottubru.
Fl-Unjoni Ewropea, il-lemin estrem qed jipprova wkoll inawwar id-demokrazija u jwassal għall-implożjoni tagħha. L-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni matul dawn l-aħħar tletin sena, permezz ta’ pjattaformi diġitali u l-media soċjali, żiedu b’mod drammatiku l-kapaċità tal-gruppi neo-Nażisti u neo-Faxxisti biex jinteraġixxu, u jiksbu viżibbiltà u setgħa fuq skala globali. Huma jużaw il-libertà tal-espressjoni tad-demokraziji biex jamplifikaw u jtennu l-ideoloġiji ksenofobiċi u razzisti tagħhom. Huma jikkoordinaw l-istrateġiji u jimmobilizzaw l-isfidi, f’ħin reali, għall-ordni ċiviku li jagħmlu parti minnu. Il-fatt huwa li d-demokrazija tipprovdi l-movimenti li qed jippruvaw jeqirduha b’kundizzjonijiet oġġettivi li jwasslu għall-iżvilupp u l-penetrazzjoni soċjali tagħhom – inkluż il-finanzjament mill-Istat.
Il-lemin estrem sab art fertili fejn jikber fl-Ewropa, peress li l-politiki neoliberali u l-kapitaliżmu finanzjarju ispirati minn Reaganomics ikkawżaw l-interruzzjoni tal-progress u l-benesseri soċjali tal-klassijiet medji – is-sinjali tal-bini tal-Ewropa u s-suċċess tagħha. In-neoliberaliżmu għamel deregolamentazzjoni u fixkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali; huwa naqqas l-introjtu reali mix-xogħol favur il-kapital; naqqas l-appoġġ soċjali u s-servizzi pubbliċi; u ħalla s-settur tal-akkomodazzjoni f’idejn l-ispekulazzjoni tal-proprjetà. Il-gvernijiet Ewropej qed jikkompetu b’mod perikoluż ma’ xulxin fil-bejgħ ta’ viżi tad-deheb lil kleptokrati u oligarki minn madwar id-dinja kollha. Il-kriżi tas-suq u d-dumping fiskali, li jagħmlu l-kompetizzjoni fis-suq intern inġusta, appoġġ dgħajjef minn Brussell u Frankfurt lill-SMEs, kif ukoll protezzjoni dgħajfa tal-impjiegi u kapaċità tal-akkwist dgħajfa, żiedu l-iskuntentizza fl-Ewropa matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena.
Huwa żball politiku traġiku li huwa responsabbli għal tnaqqis konsekuttiv fl-għadd ta’ persuni li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej u ż-żieda tal-lemin estrem fil-Parlament Ewropew. Il-qawmien mill-ġdid tal-ideoloġija Nażi-Faxxista hija r-riżultat tal-mudell ta’ awsterità użat fl-Ewropa. Dan il-mudell ipproteġa s-sistema finanzjarja iżda naqas milli jipproteġi l-ġustizzja ekonomika u fiskali u milli jwieġeb għall-problemi, ix-xewqat u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Dan wassal għal propaganda antika ta’ ideoloġiji suprematisti u identitarji, li dejjem ikunu qed iħufu fl-isfond jistennew għall-opportunità li l-umanità tiddiġenera fil-livell taċ-ċivilizzazzjoni. Dan it-trawwim ta’ mibegħda kulturali u reliġjuża huwa preżenti f’ħajjitna llum, fuq l-iskrins tagħna, fuq il-midja soċjali tagħna, fid-diżinformazzjoni li tiġi promossa kull minuta. It-trawwim tal-biża’ u n-nuqqas ta’ sigurtà taċ-ċittadini, l-evokazzjoni tal-Iżlamizzazzjoni, it-tmiem tas-supremazija bajda jew tal-identità Ġudeo-Kristjana u d-demonizzazzjoni tal-komunità Rom bħala dipendenti fuq il-benefiċċji, huma strateġiji li storikament intużaw biex tiżdied il-popolarità ta’ dittaturi jew mexxejja awtoritarji.
Illum, il-gvernijiet Ewropej qed jippermettulhom jindikaw il-“periklu tal-immigrazzjoni” f’Ewropa li qed tixjieħ li assolutament teħtieġ li timporta parti mill-forza tax-xogħol tagħha sabiex issostni lilha nnifisha u tikber ekonomikament. Dan minkejja l-fatt li l-għadd ta’ refuġjati u migranti li jidħlu fl-UE llum huwa baxx – fil-fatt, huwa aktar baxx minn dak li jeħtieġu l-popolazzjoni u l-forza tax-xogħol Ewropej. Madankollu, ir-retorika ksenofobika u razzista tippersisti, f’Ewropa li għadha nieqsa minn qafas legali sikur u effiċjenti biex tilqa’ u tintegra lill-migranti, minflok tkompli tikkontribwixxi għall-mafja tat-traffikar tal-bnedmin. Il-ħaddiema migranti kienu essenzjali fir-rikostruzzjoni tal-Ewropa ta’ wara l-gwerra u fil-bini tal-UE. Il-kontribut tal-migranti se jibqa’ kruċjali għall-progress tal-Ewropa fid-deċennji li ġejjin. Il-lemin estrem huwa konxju ta’ dan – ħafna mill-finanzjaturi tagħha jużaw il-migranti fl-industriji u n-negozji tagħhom.
Iżda l-lemin estrem se jkompli jilgħab il-logħob tiegħu, joħloq biżgħat, u jimmanipula l-kuxjenza, kif ukoll il-kompjaċenza ta’ mexxejja nazzjonali u Ewropej dgħajfa u instabbli fir-rigward ta’ viżjoni strateġika, il-valuri tagħna u l-prinċipji tagħna. Jista’ jkun hemm rispons wieħed biss mid-demokraziji u l-Ewropej – li niġġieldu għall-valuri tagħna. Għad-demokrazija, għal-libertà, għad-dinjità u għall-paċi fl-Ewropa.